Thursday, April 18, 2024

Tnediet l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu

Aqra wkoll

Wara t-twaqqif tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu fis-sena 2018, illum tnediet l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar il-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Din hija meqjusa bħala Strateġija unika, anke meta mqabbla ma’ ta’ pajjiżi oħra għax minflok ma tħares biss lejn l-aspett mediku prinċiparjament bħalma hija l-Istrateġija ta’ Spanja, jew inkella lejn l-adulti biss, bħalma hija l-Istrateġija għall-Ingilterra u Wales jew lejn it-tfal biss, l-Istrateġija ta’ Malta minflok tuża dik li tissejjaħ ‘cradle to grave approach’.

Dan ifisser li tkopri lill-persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, mit-twelid, sa ma jixjieħu. F’din l-istrateġija anke l-fenomenu tal-awtiżmu u l-anzjanità huwa kopert, fenomenu illi ħafna pajjiżi bilkemm imissuh, għalkemm huwa realtà koperta wkoll mir-riċerka.

Dan sar wara proċess komprensiv ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders differenti bil-għan li tkun riflessa r-realtà tal-lum f’dan il-qasam tad-diżabilità.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli li ppresidiet din it-tnedija, fissret dan il-jum bħala wieħed simboliku li jkejjel mira oħra li qed titwettaq fis-settur tad-diżabilità f’pajjiżna.

Hija rrimarkat illi l-gvern irid li din l-istrateġija tkun il-kumpass li jiggwida lis-soċjetà ta’ kif pajjiżna jista’ jkun aħjar fil-mod ta’ kif jitratta l-awtiżmu.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli żvelat li fi ftit xhur oħra, fil-bidu tas-sena li ġejja, se jkun hemm numru sostanzjali ta’ ħwienet jingħaqdu flimkien u jagħmlu l-istabbiliment tagħhom ‘autism-friendly’ tant li bħalissa numru minn dawn il-ħwienet għaddejjin b’taħriġ u b’bidliet biex isseħħ din il-qalba pożittiva.

“Kuntenta għaliex dan ir-riżultat huwa frott ta’ ħidma mifruxa tul dawn l-aħħar xhur li rat ammont sostanzjali tal-pajjiż jingħaqad flimkien, u llum grazzi għar-rispons ta’ 186 entita’ u individwi differenti wasalna għal dan id-dokument ta’ strateġija” sostniet il-Ministru Farruġia Portelli.

Filwaqt li kompliet fissret illi din l-istrateġija kienet obbligu li joħroġ mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, il-Ministru qalet li l-istrateġija tkopri 7 kapitli – minn dijanjożi bikrija sa edukazzjoni, impjieg u l-awtiżmu fl-adulti fost oħrajn. Dawn flimkien jagħtu tifsira konkreta tal-prinċipju ‘mill-benniena sal-qabar’ temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli. 

Ekonomija

Sport