Minn Cristian Muscat
L-istaġun 2025/26 se jibqa’ wieħed memorabbli għal Yulya Carella. Il-plejer ta’ Mġarr United mhux biss kompliet tikkonsolida isimha bħala waħda mill-aqwa talenti tal-futbol tan-nisa f’Malta, iżda kisbet ukoll l-ogħla rikonoxximenti individwali possibbli meta ġiet ivvutata bħala l-Aqwa Plejer tas-Sena kemm fil-MFA Awards kif ukoll fil-MFPA Awards.
F’età ta’ 21 sena biss, Carella qed tgawdi l-frott ta’ snin ta’ dedikazzjoni, dixxiplina u sagrifiċċji. Meta tkellmet ma’ dan il-ġurnal, hija ammettiet li dawn il-premjijiet għandhom tifsira speċjali ħafna għaliha.
“Li tirbaħ dawn iż-żewġ unuri hija xi ħaġa kbira ħafna għalija. Meta nħares lura lejn is-snin kollha li ddedikajt lill-futbol, ninduna kemm kien hemm xogħol u impenn wara kollox. Minn meta kont żgħira dejjem kont naf li rrid nilgħab il-futbol u kont lesta nagħmel is-sagrifiċċji kollha meħtieġa.”
Hija spjegat kif il-ħajja ta’ atleta ma tkunx dejjem faċli, speċjalment meta ħafna minn dawk tal-istess età jkunu qed jgħixu stil ta’ ħajja differenti.
“Meta tkun atleta trid tagħżel. Kien hemm ħafna drabi fejn sħabi kienu joħorġu jew jagħmlu affarijiet oħra u jien kont ikolli taħriġ jew logħba. Illum il-ġurnata lanqas inħares lejhom bħala sagrifiċċji għax għażilt jien din il-ħajja. Inħobb ħafna l-isport u kieku kelli nerġa’ nibda mill-ġdid, nerġa’ nagħmel kollox bl-istess mod.”
Waħda mill-aktar affarijiet li għoġbitha dwar il-MFPA Awards hija l-fatt li dan il-premju jiġi vvutat mill-plejers stess.
“Dak jagħmilha aktar speċjali. Meta l-kollegi tiegħek fil-grawnd jirrikonoxxu x-xogħol tiegħek, tkun sodisfazzjon differenti. Tfisser li dak li qed tagħmel qed jintlemaħ minn nies li jafu eżattament x’jinvolvi dan l-isport.”
Fil-grawnd, Carella hija magħrufa għall-karattru qawwi tagħha. Hija ma taħbix dan il-fatt u tgħid li l-mentalità tagħha hija waħda mill-akbar saħħiet tagħha.
“Fil-grawnd inkun aggressiva ħafna fil-logħob tiegħi. Dejjem nipprova nuri kemm inkun determinata u motivata biex nirbaħ. Nemmen li dik hija parti importanti mill-karattru tiegħi bħala plejer.”
Madankollu, barra mill-grawnd tiddeskrivi lilha nnifisha b’mod differenti.
“Barra mill-grawnd inkun persuna aktar kalma. Għandi xogħol tiegħi u responsabbiltajiet oħra bħalma għandu kulħadd. Però dejjem insib il-ħin biex naħdem fuqi nnifsi.”
Fil-fatt, hija tagħti importanza kbira lill-preparazzjoni fiżika tagħha, partikolarment għall-prevenzjoni tal-injuries.
“Apparti x-xogħol mal-klabb, nagħmel ħafna xogħol individwali. Illum il-ġurnata hemm ħafna għarfien dwar injuries bħall-ACL, li huma aktar komuni fil-futbol tan-nisa.
Għalhekk nagħmel ħafna strength and conditioning u xogħol fiżiku biex innaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ injury.”
Naturalment, wieħed mill-akbar unuri fil-karriera tagħha jibqa’ dak li tirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali.
“Li tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali hija xi ħaġa li kont noħlom biha minn dejjem. Kull darba li nissejjaħ għall-iskwadra nħoss sens kbir ta’ kburija. Int tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżek quddiem id-dinja kollha.”
Carella kellha kliem ta’ tifħir għall-kowċ nazzjonali Manuela Tesse, li kompliet turi fiduċja fil-kapaċitajiet tagħha.
“Napprezza ħafna l-fiduċja li turi fija. Dejjem nipprova nagħti l-massimu tiegħi kull darba li nkun mal-iskwadra nazzjonali.”
Meta tkellmet dwar l-esperjenzi internazzjonali riċenti, hija sostniet li l-logħob kontra avversarji ta’ livell għoli qed jgħin lit-tim jikber.
“L-aħħar logħbiet li lgħabna kontra timijiet bħall-Kroazja u t-Turkija kienu esperjenzi importanti ħafna. Il-livell huwa differenti u superjuri, iżda proprju minn dawn il-logħbiet titgħallem l-aktar.”
Hija tħares b’ottimiżmu lejn il-futur tat-tim nazzjonali Malti.
“Diġà ksibna ħafna affarijiet sbieħ. Iż-żewġ promozzjonijiet għal League B kienu pass importanti ħafna. Però nemmen li għad hemm aktar potenzjal. Għandna grupp tajjeb ta’ plejers u nemmen li nistgħu nkomplu nikbru.”
Fost l-aktar mumenti memorabbli tagħha kien hemm l-opportunità li tilgħab kontra timijiet marbuta ma’ klabbs ewlenin Ewropej.
“Meta tiltaqa’ ma’ plejers li jkunu jilagħbu ma’ klabbs bħal Arsenal, Liverpool jew Barcelona, tkun esperjenza inkredibbli. Tara mill-qrib il-livell li hemm barra u titgħallem ħafna minnu.”
Mistoqsija jekk tikkunsidrax li tilgħab barra minn Malta fil-futur, ir-risposta tagħha kienet waħda ċara.
“Ma naħsibhiex darbtejn jekk tiġi opportunità tajba. Nemmen li esperjenza barra minn Malta tgħinek tikber mhux biss bħala plejer iżda wkoll bħala persuna. Tgħinek tifhem kulturi differenti u ssir aktar indipendenti.”
Carella temmen li l-futbol tan-nisa f’Malta għamel passi kbar ’il quddiem matul dawn l-aħħar snin.
“Qabel kien hemm aktar stigma li l-futbol kien sport tal-irġiel. Illum il-ġurnata l-affarijiet inbidlu ħafna. In-numru ta’ tfajliet li qed jibdew jilagħbu huwa ferm akbar u dan jawgura tajjeb għall-futur.”
Hija tgħid li personalment qatt ma ħalliet il-kummenti negattivi jaffettwawha.
“Jien dejjem għamilt dak li nħobb. Qatt ma tajt wisq kas x’jaħsbu n-nies. Illum nara li hemm ħafna aktar apprezzament lejn il-futbol tan-nisa u dan huwa pożittiv ħafna.”
Meta tħares lura lejn il-vjaġġ tagħha, Carella tagħraf kemm il-klabbs differenti li lagħbet magħhom għenuha tikber.
“Kont nilgħab ma’ Mosta fejn ħassejt li kont qed nikber ħafna bħala plejer. Wara għamilt sena ma’ San Ġwann, u minn meta ngħaqadt ma’ Mġarr United komplejt niżviluppa aktar. Hawnhekk sibt ambjent li għeni nuri l-valuri u l-kapaċitajiet tiegħi.”
Interessanti wkoll li fil-bidu tal-karriera tagħha kienet tikkompeti ma’ subien, esperjenza li tgħid li kellha impatt enormi fuq l-iżvilupp tagħha.
“Nemmen li l-fatt li lgħabt mas-subien għeni ħafna. Il-livell kien kompetittiv u għenni niżviluppa karattru aktar b’saħħtu.”
Fl-aħħar tal-intervista, Carella kellha messaġġ sempliċi iżda qawwi għaż-żgħażagħ kollha li għandhom ħolm sportiv.
“L-aktar ħaġa importanti hija li temmen fik innifsek. Jekk taħdem bis-serjetà, tkun dixxiplinat u tibqa’ determinat, kapaċi tasal fejn trid. Jien prova ta’ dan. Xejn ma jiġi waħdu, imma b’ħafna xogħol u impenn tista’ tikseb affarijiet sbieħ ħafna.”
B’dawn il-kisbiet kollha f’età daqshekk żgħira, jidher ċar li l-vjaġġ ta’ Yulya Carella għadu biss fil-bidu tiegħu, u l-futbol Malti jista’ jistenna aktar kapitli ta’ suċċess mingħand waħda mill-aktar protagonisti promettenti tiegħu.


