Monday, June 1, 2026

Tmien timijiet se jissieltu għar-rebħ tal-ISFA 3-a-side tournament f’Buġibba

Aqra wkoll

L-International Street Football Association (ISFA) se jkun qed jorganizza turnew ta’ tlieta kontra tlieta fis-6 ta’ Ġunju li ġej fil-ground tal-futbol 3-a-side f’Buġibba. It-turnew ġie mniedi waqt konferenza stampa li saret is-Sibt li għadda fi stabbiliment f’Birkirkara.

Matul il-konferenza tkellmet id-Direttur tal-International Street Football Association, Maria Coppola, li enfasizzat l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn biex ikomplu jippromwovu dan it-tip ta’ futbol li jinkoraġixxi l-kreattivita’ u li jagħti opportunitajiet ġodda lill-plejers. Magħha tkellem ukoll l-ambaxxatur tat-turnew, James Almeida, li faħħar il-livell dejjem jikber tal-kompetizzjoni.

Preżenti wkoll kienu l-plejers Nigel Zammit, Omar Lamari u Ananel Sheiji, li fost oħrajn għandhom it-tim tagħhom stess fil-kompetizzjoni u qasmu l-entużjażmu tagħhom għal dan l-avveniment.

Għal dan it-turnew se jieħdu sehem tmien timijiet u dawn huma Eagles United, Santa Margherita AFC, Blancos FC, Bugibba FC, Birkirkara AFC, Shooting Stars FC, FC Nova Legends u FC Nova Legends B. Il-format tat-turnew jinkludi żewġ gruppi ta’ erba’ timijiet, fejn kull tim jilgħab tliet logħbiet ta’ għaxar minuti. It-timijiet bl-ogħla punti minn kull grupp jgħaddu għall-finali.

L-importanza tat-turnew hija akbar minn trofew biss, hekk kif it-tim rebbieħ se jirrappreżenta lil Malta fit-Tazza tad-Dinja tal-ISFA li se ssir fl-Olanda bejn it-2 u s-7 ta’ Settembru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport