Il-Police Officers Union tixtieq tesprimi s-sinċier ringrazzjament tagħha lill-Uffiċjali kollha tal-Korp tal-Pulizija għall-ħidma eċċezzjonali tagħhom matul dawn il-ġranet twal u impenjattivi.
Intant f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali, il-POU spjegat kif mill-ewwel sigħat tal-ġurnata sa tard filgħaxija tal-bieraħ, l-uffiċjali ħadmu bla heda madwar Malta u Għawdex. Mill-ġarr sigur tad-dokumenti elettorali lejn is-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, sal-monitoraġġ kontinwu u l-preżenza kostanti matul il-proċess tal-għadd tal-voti, l-uffiċjali tagħna komplew iwettqu dmirijiethom b’dedikazzjoni, professjonalità u impenn biex tinżamm is-sigurtà, l-ordni u l-kwiet pubbliku.
Huma qalu; “Ta’ min jisħaq li, fl-istess waqt, is-servizzi kollha tal-Pulizija f’Malta u Għawdex baqgħu jiffunzjonaw b’mod normali. L-uffiċjali komplew jirrispondu għal sejħiet ta’ emerġenza, iwettqu rondi regolari u jaqdu lill-komunità b’dedikazzjoni, 24 siegħa kuljum”.
Il-POU ħadet l-opportunità biex jirringrazzjaw lill-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafa li, bħala sinjal ta’ apprezzament għall-ħidma u s-sagrifiċċji tal-membri tal-Korp, awtorizza l-għoti ta’ ġurnata frank (time-off-in-lieu) lill-uffiċjali kollha.
Huma tennew billi rringrazzjaw lil kull uffiċjal għall-professjonalità, id-dedikazzjoni u s-servizz tagħhom lejn il-poplu Malti u Għawdxi.


