Monday, June 1, 2026

Il-Fondazzjoni MaYA tesprimi solidarjetà mal-bdiewa u r-raħħala milquta mill-isplużjoni fil-Magħtab

Aqra wkoll

Wara l-isplużjoni li seħħet dalgħodu fil-kamra tan-nar Ta’ Lourdes fil-Magħtab, il-Fondazzjoni MaYA tesprimi solidarjetà  ma’ dawk kollha milquta minn dan l-inċident sfortunat.

Għalkemm skont l-informazzjoni disponibbli sa issa, ma kienx hemm imwiet, irridu nagħrfu wkoll l-impatt li inċidenti bħal dawn iħallu lil hinn mill-periklu immedjat għan-nies. Wara l-ħsarat viżibbli fil-bini u fl-infrastruttura, hemm ukoll familji ta’ bdiewa u raħħala, kif ukoll annimali, li jbatu l-konsegwenzi.

Matul dawn l-aħħar sigħat, MaYA kienet f’kuntatt ma’ bdiewa u raħħala fl-inħawi li rrappurtaw ħsarat konsiderevoli fl-irziezet tagħhom. Dawn jinkludu ħsarat strutturali, telf ta’ bhejjem, kif ukoll impatti serji fuq annimali li ġew affettwati mill-blast u l-istress ikkawżat mill-isplużjonijiet.

Għall-bdiewa u r-raħħala, l-annimali mhumiex sempliċiment numri. Huma jirrappreżentaw snin ta’ dedikazzjoni, kura ta’ kuljum, rabta emozzjonali, u f’ħafna każijiet l-għajxien ta’ familji sħaħ. Telf bħal dan ma jistax jitkejjel biss f’termini finanzjarji.

Għalhekk nappellaw lill-awtoritajiet konċernati sabiex, malli ż-żona tkun iddikjarata sigura, jkunu disponibbli għall-familji tal-bdiewa u r-raħħala milquta, jevalwaw il-ħsarat li ġarrbu, u jipprovdu l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ.

Il-Fondazzjoni MaYA tirringrazzja wkoll lis-servizzi tal-emerġenza u lil kull min kien involut fir-rispons għal dan l-inċident. F’mumenti diffiċli bħal dawn, l-ebda komunità milquta m’għandha tħossha minsija – inklużi l-bdiewa, ir-raħħala u l-annimali li ħafna drabi l-istejjer tagħhom jibqgħu minsija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport