Thursday, November 28, 2024

Mixli li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin fil-bandli tal-Fgura

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena residenti l-Fgura nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin f’bandli fl-istess lokalità fejn joqgħod.
Louis Calleja tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo fejn kien mixli li żamm lit-tifla kontra l-volontà tagħha u li ssuġġettaha għal atti ta’ natura sesswali mhux mixtieqa.

Akkużi oħra miġjuba kontrih jgħidu li kkaġuna lill-vittma biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li offenda l-morali f’post pubbliku, li ġarr sikkina u arma tan-nar mingħajr liċenzja u li kiser ordni ta’ probation fost oħrajn.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif nhar it-28 ta’ Ottubru li għadda, mara ta’ nazzjonalità Indjana marret tagħmel rapport l-Għassa ta’ Raħal Ġdid fejn allegat li waqt li binha u t-tifla tagħha kienu qed jilagħbu fil-bandli tal-Fgura, raġel resaq lejn it-tifla, heddidha b’sikkina u pisola filwaqt li kixef il-parti intima tiegħu quddiemha.
Filmati tas-CCTV kienu kkonfermaw ir-rakkont tal-mara. Calleja kien identifikat fl-istess filmat u kien arrestat ġewwa r-residenza tiegħu fejn instabu wkoll l-istess ħwejjeġ li kien liebes dakinhar li seħħ l-allegat każ.

Meta mistoqsi mill-pulizija dwar il-każ, ir-raġel qal li huwa kien niżel jorbot il-lazz tat-tifla u qagħad ikellimha. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda nżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-familja tagħha.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Antonello Magri u Wayne Buhagiar megħjuna mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Michaela Giglio dehret għal Calleja.

Sport