Friday, May 3, 2024

“Kif diġà għedtilkom”

Grech fir-risposta tiegħu għall-budget 2024

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech beda biex jitkellem dwar il-viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza tal-Partit Nazzjonalista li tista’ toffri ħajja aħjar f’pajjiżna. Grech qal li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista ssaħħaħ ir-reputazzjoni u l-integrità tal-pajjiż biex tissaħħaħ id-demokrazija tal-pajjiż.

Huwa qal li kważi 11-il sena ilu l-gvern Laburista ngħata r-responsabbiltà biex itejjeb, iżda t-tajjeb li sar, sar għax huwa dmir ta’ kull gvern li jwettaq dan. 

Grech tkellem dwar iż-żieda enormi fil-popolazzjoni li skontu remiet il-kwalità għall-kwantità biex il-popolazzjoni rduppjat għal mira ta’ 800,000 persuna.

Huwa kompla biex jgħid li huwa minnu li aktar pajjiżi u popli saru jafu bina f’dawn l-aħħar snin, iżda skontu dan sar għar-raġunijiet il-ħżiena għax isem pajjiżna tħammeġ. Grech qal li biex ipatti għal dan, bla ebda mistħija, il-gvern jagħżel li jagħti ċekk lin-nies. 

Grech reġa’ rrefera għall-inkjesta pubblika mitluba mill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia u qal li f’Malta Ġusta li jara hu, dawn ma kinux jiġu mċaħħda bħalma ġara wara vot fil-parlament.

“Aħna bħala Partit Nazzjonalista kull sfida qed narawha f’opportunità li ntejbu. Il-viżjoni ekonomika tagħna mhijiex wegħda. Il-viżjoni tagħna hija serħan tal-moħħ u affermazzjoni li aħna lesti niggvernaw b’mod responsabbli”, sostna Grech fl-ewwel parti tad-diskors tiegħu.

Grech jitfixkel hu u jikkwota ċ-ċifri tad-dejn tal-pajjiż …

Huwa rrefera għad-diskors tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u qal li sal-aħħar tal-leġiżlatura pajjiżna se jkollu l-akbar rata ta’ dejn b’madwar €10,000 miljun. Hawnhekk qamet reazzjoni min-naħa tal-gvern wara li anke huwa u jikkwota, Grech fixkel l-ammont u qal li d-dejn kien se jkun ta’ €10 biljuni skontu ekwivalenti €1,000 miljun sakemm ftit sekondi wara preċiża li l-ekwivalenza hija ta €10,000 miljun. Hawnhekk Grech irreaġixxa u qal lill-Ministru li minflok jidħak messu jmur jistaħba. Huwa għadda botta wkoll rigward il-PBS u qal li dan ma kienx se jġibhom jidħku hu u jikkwota numri daqstant preokkupanti.

“Ir-rebħa” ta’ Delia, Grech għamilha r-rebħa tiegħu

Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni u mexxej tal-Partit Nazzjonalista qal kien grazzi għal Partit Nazzjonalista li l-Isptarijiet fosthom dak ta’ Għawdex ġie lura għand il-poplu Malti.

Bernard Grech naqas li jsemmi li kien Adrian Delia waħdu li fetħa dan il-każ quddiem il-Qrati Maltin minħabba li skont dak li kien ġie rraportat fil-midja, meta l-istess Delia kien mar quddiem il-Grupp Parlamentari b’din il-proposta, l-istess deputati kienu qaluli li kien hemm dubji kbar dwar kemm din il-kważa tista’ tintrebaħ. Kien għalhekk li Delia kien fetaħ din il-kawża fuq ismu personali.

Issa li l-kawża ntrebħet, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dak li ma wettaqx Gvern Laburista kien qiegħed iwettqu l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni. Wiegħed li se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni li hawn fil-pajjiż li skont hu falliet lil Malta.

“Tort tal-Gvern li l-koppji qed ikollhom wild wieħed biss”

Hu kompla jgħid li meta jitkellem man-nies jgħidulu li huma mhux qed ikollhom aktar minn wild wieħed minħabba nuqqas ta’ ħeġġa li qed joffri l-Gvern.

Qal li meta se jkun hemm Gvern Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qiegħed jagħti l-ħeġġa lill-koppji biex ikollhom aktar tfal.

Grech inkwetat għax l-ispazji miftuħa qed ikunu ffullati

Meta kien qiegħed jirreferi għat-tkabbir fil-popolazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jinsab inkwetat meta jara l-ispazji miftuħa ffullati bin-nies. Fl-istess waqt qal li l-Gvern mhux qiegħed iwettaq il-wegħda li għamel biex joħloq aktar spazji miftuħa.

Il-mexxej Nazzjonalista qal li minħabba t-tkabbir fil-popolazzjoni qed ikun hawn sfidi kbar fuq l-infrastrutura tal-pajjiż. Qal li l-Gvern mhux qiegħed jinvesti f’toroq ġodda, iżda sostna li fis-sajf li għadda meta kien jinqata d-dawl kien hemm familji li ma setgħux jiftħu t-twieqi tad-djar tagħhom minħabba trabijiet li kien hemm fit-triq tagħhom għax l-istess triq kienet qiegħda tiġi rranġata.

“Kif diġà għedtilkom”

F’diskors partijiet minnu rrepeturi, tant li l-Kap Nazzjonalista kemm-il darba qal li “kif diġà għetilkom”, qal li hija tal-mistħija li tmur tieħu drink u l-barman ma jkun jaf xejn dwar Malta.

Sostna li turist ħafna drabi jkun jaf ħafna aktar dwar Malta mill-barman li jkun qiegħed iservi f’lukanda.

Grech naqas milli jsemmi dak li ħabbar il-Gvern fl-aħħar jiem fejn qal li dawk kollha li jridu jaħdmu f’Malta fis-settur turistiku għandhom jieħdu korsijiet dwar Malta u Ingliż fost oħrajn qabel jingħataw il-permess li jidħlu f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni meta ġie biex jitkellem dwar Għawdex qal li l-Partit Nazzjonalista hu l-Partit t’Għawdex. Filwaqt li kkritika ħafna mill-proġetti li qegħdin isiru mill-Gvern ta offra l-ebda soluzzjoni alternattiva għal Għawdex.

Ikkritika wkoll li l-flotta tal-Gozo Channel issa għandha 4 vapuri biex is-servizz bejn il-gżejjer ikun wieħed aktar effiċjenti. Lanqas ma semma xejn dwar is-servizz tal-fast ferry li tejjeb ferm il-konnettività bejn il-gżejjer.

Sport