Raġel ta’ 38 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li offra €47,000 lil persuna biex jagħti xhieda falza fil-Qorti, u wassal dik l-offerta permezz tal-avukat tiegħu.
Terence Cini tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Lia mixli li pprova jikkorrompi xhud fi proċeduri li għaddejjin fil-Qorti u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata f’seba’ digrieti u li sar reċediv.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif waqt seduta f’waħda mill-kawżi kontra Cini, xhud kien spjega li ma jifakarx dak li kien qal aħt ġurament fl-2020, meta kien irrefera għall-imputat bħala l-persuna li allegatament kien involut fi ftehim dwar drga.
Il-Pulizija kienet infurmata li Cini u dan ix-xhud kienu fil-fatt tkellmu waqt li dan tal-aħħar kien il-ħabs. Waqt it-telefonati li saru fil-ħabs, li kienu rrekordjati, dawn iż-żewġt irġiel kienu ddiskutew il-proċeduri fil-Qorti.
Ix-xhud allegatament kien intalab biex ma jixhidx kontra Cini, u ta’ dan kien se jingħata €40,000 biex ikun jista’ jħallas il-multa imposta fuqu u €7,000 oħra fi spejjeż għall-Qorti. Ġie nnutat ukoll li l-avukat tiegħu kien żar il-ħabs f’okkażjoni partikolari meta dan l-istess persuna ma kellu l-ebda każ pendenti li tiegħu kien jeħtieġ is-servizz ta’ avukat.
Cini baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni informat lill-Maġistrat Lia li hemm il-possibilità li aktar persuni jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ. Huwa mifhum li l-Avukat li ssemma’ fil-każ diġà ġie interrogat u jista’ jaffaċċja akkużi hu wkoll.
L-Avukati Franco Debono u Alfred Abela dehru għal Cini.