Saturday, November 30, 2024

FIFA: L-Arabja Sawdija se tospita t-Tazza tad-Dinja 2034

Aqra wkoll

L-Arabja Sawdija se tospita t-Tazza tad-Dinja tal-2034 wara li l-Awstralja ddeċidiet li ma tagħmel offerta biex torganizza t-tournament.

Football Australia kkonfermaw d-deċiżjoni tagħhom sigħat biss qabel l-iskadenza tal-FIFA għall-offerti ta’ interess nhar it-Tlieta.

L-Arabja Sawdija hija l-uniku nazzjon ieħor li qed jagħmel offerta.

“Wasalna għall-konklużjoni li ma nitfgħux l-offerta tagħna biex norganizzaw il-kompetizzjoni tal-2034,” qalet stqarrija ta’ Football Australia. 

Il-korp governattiv tal-Awstralja jgħid li biħsiebu jiffoka l-isforzi tiegħu biex jospita t-Tazza tal-Asja tan-Nisa AFC fl-2026 u t-Tazza tad-Dinja tal-Clubs fl-2029.

It-Tazza tad-Dinja 2026 se ssir fl-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada.

Il-Marokk, il-Portugall u Spanja se jospitaw it-tournament tal-2030, b’logħbiet ukoll fl-Arġentina, il-Paragwaj u l-Urugwaj.

Il-FIFA kienet qalet li t-Tazza tad-Dinja tal-2034 kienet se ssir fl-Asja jew fl-Oċeanja, u offerta Awstraljana kienet meqjusa bħala l-uniku sfidant potenzjali għall-Arabja Sawdija, li ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħmel offerta ftit wara d-deċiżjoni tal-FIFA.

Minkejja li tirċievi appoġġ mill-Konfederazzjoni tal-Football Asjatiku, l-Arabja Sawdija x’aktarx titqies bħala ospitanti kontroversjali.

Hija kienet ġiet ikkritikata għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħha – 81 raġel ġew maqtula f’ġurnata waħda s-sena l-oħra – abbużi tad-drittijiet tan-nisa, il-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, ir-restrizzjoni tal-libertà tal-kelma u l-gwerra fil-Jemen.

Sport