Monday, December 9, 2024

Mixli li pprova jgħin persuna tidħol Malta illegalment

Aqra wkoll

Raġel li kien arrestat mill-pulizija fuq suspett ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi tressaq fil-Qorti mixli li pprova jgħin persuna biex tidħol Malta illegalment.

Fil-Qorti nstema’ kif Bashar Mohamad ta’ 29 sena mis-Sirja iżda residenti Ħal Qormi, kien arrestat lejn l-aħħar ta’ Frar wara li l-pulizija rċevew informazzjoni dwar il-possibiltà li huwa allegatament seta’ kien involut fit-terroriżmu. Din l-informazzjoni għall-ewwel ma tatx wisq riżultati u raġel ingħata l-police bail sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-investigazzjonijiet.

L-Ispettur Zachary Zammit spjega kif Mohamad imbagħad instab fil-pussess ta’ żewġ passaporti Maltin li huwa allegatament kien qed jippjana li juża biex isiefer minn Malta għall-Ġermanja. Wieħed minn dawn il-passaporti biss kien tiegħu mentri l-ieħor kien ta’ qarib tiegħu.

Fil-Qorti ntqal ukoll li l-investigaturi jemmnu li l-imputat kien qed jippjana li jbigħ it-tieni passaport lil xi ħadd ieħor waqt li jkun imsiefer biex ikun jista’ jintuża biex persuna oħra tidħol Malta illegalment.

Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, Mohamad kien mixli li pprova jdaħħal f’Malta persuni b’mod illegali u li seraq passaport li nstab li kien fil-pussess tiegħu. L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit, li dehru għall-imputat, talbu għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tagħhom billi argumentaw li l-pulizija kienet diġà tatu l-police bail waqt li ssoktaw l-investigazzjonijiet. Qalu wkoll li Mohamad dejjem aderixxa mal-kundizzjonijiet tal-police bail u mar id-Depot tal-Pulizija kull meta kien mitlub biex jagħmel dan.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest u saħqet li waqt li l-imputat kien fuq police bail, huwa kien kellem lis-sid tal-passaport li kien qarib tiegħu. Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat Bartolo ċaħad it-talba u l-imputat inżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispetturi Hubert Gerada u Christian Abela. 

Ekonomija

Sport