Monday, May 13, 2024

Miexi sew ix-xogħol fuq it-triq taċ-Ċirkewwa

Aqra wkoll

Miexi sew ix-xogħol fuq it-triq li twasslek lejn it-Terminal taċ-Ċirkewwa biex b’hekk kif il-proġett ikun lest se jkun organizzat aħjar it-traffiku ta’ madwar it-terminal.

Infrastructure Malta qalet li bħalissa għaddej xogħol fuq it-twessigħ u bini mill-ġdid ta’ bankini ġodda, waqt li qed jingħata l-ewwel saff t’asfalt f’proġett li huwa mifrux fuq żewġ kilometri u nofs. L-istrutturi tal-ħadid li jifirdu l-karreġġjati ser jinbidlu u minflokhom ser isiru strutturi tal-konkrit li huma ċertifikati li joffru l-aqwa sigurtà possibbli.

Kien fl-20 ta’ Frar li għadda meta l-Ministru għat-Trasport Chris Bonett qal li l-bini tat-tieni karreġġjata fit-triq bejn il-Marfa u ċ-Ċirkewwa mhux se jirrekjedi t-teħid tal-art verġni maġenb it-triq.

Il-karreġġjata ġdida se tkun twila żewġ kilometri u se tibda mir-roundabout tal-Armier u tkompli sat-terminal tal-vapur. Il-Ministru Bonett qal li dan il-proġett mistenni jkun tlesta sa qabel is-sajf.

Il-proġett se jsir f’żewġ fażijiet, bl-ewwel fażi tinkludi t-tibdil tal-istrutturi tal-ħadid ma’ dawk tal-konkos li huma aktar siguri u bihom, se jiżdied biżżejjed spazju biex tinbena t-tieni karreġġjata. Se jsir ukoll restawr tal-pont ta’ fuq il-mina li tagħti għall-moll tan-Nofsinhar, minħabba li dan sofra ħsarat estensivi fl-aħħar snin.

Sport