Wednesday, July 24, 2024

Mixli li pprova jistupra lil martu, ġimgħat wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena minn Bormla, li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ffaċċja akkużi ta’ vjolenza domestika, reġa’ tressaaq fl-Qorti wara li allegatament ipprova jistupra lil martu u sawwatha.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-vittma, kien arrestat b’rabta ma’ żewġ episodji ta’ vjolenza li seħħew wara li kien ingħata l-libertà proviżorja f’Diċembru.

Fil-Qorti nstema’ kif nhar il-5 ta’ Frar li għadda, l-imputat allegatament ipprova jwettaq stupru fuq martu, żammha kontra l-volontà tagħha u wettaq atti ta’ natura sesswali fuqha mingħajr il-kunsens tagħha. Aktar kmieni din il-ġimgħa, huwa allegatament refa’ jdejh fuqha u saħansitra ħadilha l-mobile tagħha bil-forza. Dan l-aħħar episodju seħħ it-Tlieta li għadda f’residenza f’Bormla.

Intqal li l-mara, li kienet ħafret lill-akkużat wara li ħareġ mill-ħabs, irnexxielha taħrab minn fuq il-post u marret l-Għassa biex tagħmel rapport.

L-imputat ġie mixli wkoll li weġġa’ lill-vittma, li insulentaha u heddidha, li kkaważalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha, li kiser ordni ta’ protezzjoni u li wettaq dawn ir-reati waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża fost oħrajn. Dan filwaqt li ġie mixli li kiser tliet digriet relatati mal-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Cynthia Tomasoulo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Audrey Micallef. Għall-imputat deher l-Avukat Mario Mifsud mentr l-Prokuratur Legali Colin Galea deher parte civile.

Ekonomija

Sport