Friday, November 15, 2024

Mixli li pprova jistupra lis-sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli li pprova jistupra lis-sieħba tiegħu.

Isem l-imputat, li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni, mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tkun protetta l-identità ta’ wliedu minuri.

Huwa kien mixli b’attentat ta’ stupru, li żamm lill-allegata vittma kontra l-volontà tagħha u li ssuġġettaha għal atti ta’ konnotazzjonijiet sesswali, li kkaġunalha ħsara u biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħha.

Fil-Qorti ntqal li l-imputat allegatament qatta’ l-ħwejjeġ tal-mara u pprova jifgagħha minbarra l-attentat ta’ stupru. Saret ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bid-Difiża targumenta li huwa qatt ma kien xellef difrejgħ mal-ġustizzja qabel. Barra minn hekk kellu bżonn jaħdem biex imantni lit-tliet uliedu.

Madankollu, l-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonat għal din it-talba billi qalet li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri ħafna.

L-Avukat Tomasuolo enfasizzat ukoll in-natura gravi tar-reati li allegatament seħħew fil-preżenza tat-tfal u l-fatt li jista’ jkun hemm intralċ ta’ provi jekk l-imputat jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba minħabba l-gravità tal-akkużi u l-istadju bikri ħafna tal-proċeduri. Barra minn hekk, għad iridu jixhdu l-vittma u l-minuri.
Sadanittant, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-familja kollha tagħha.

L-Avukati Dominic Vella u Etienne Borg dehru għar-raġel.

L-Avukat Marita Pace Dimech dehret parte civile.

Ekonomija

Sport