Raġel ta’ 31 sena mill-Munxar baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li hedded li joqtol raġel ieħor u li pprova jsuq għal fuqu bil-karozza.
Godwin Attard tressaq fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, mixli b’sensiela ta’ akkużi, inkluż ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li l-inċident seħħ fis-16 ta’ Ġunju meta l-allegat vittma rrapporta li l-imputat kien allegatament heddu li joqtlu. Huwa kien qal lill-pulizija li l-imputat kien baqa’ jsegwih bil-karozza u allegatament pprova jsuq għal fuqu.
Wara li sar dan ir-rapport, inħareġ mandat t’arrest u sussegwentement ġie arrestat mill-Pulizija t-Tnejn filgħodu. Huwa tressaq il-Qorti ftit tas-sigħat wara fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Fil-kontro-eżami, l-Avukati Difensuri staqsew lill-Uffiċjal Prosekutur jekk il-pulizija kinux konxji li l-allegat vittma kien tefa’ ż-żebgħa fuq il-karozza ta’ Attard u bagħtlu sensiela ta’ messaġġi ta’ theddid u insulti. L-Ispettur ikkonferma li kien ġie mgħarraf b’dawn l-allegazzjonijiet mill-imputat waqt l-interrogazzjoni.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u nnotat li kemm il-vittma kif ukoll diversi xhieda għad iridu jixhdu.
Il-Maġistrat Grech ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-allegat vittma għad irid jixhed u l-fatt li l-imputat kien tressaq quddiem l-istess Qorti ftit jiem qabel talli allegatament kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tiegħu tal-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci. L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-imputat.

