Sunday, October 27, 2024

Mixli li qabbad żewġ Albaniżi jattakkaw lil missier l-eks mara tiegħu

Aqra wkoll

Raġel tressaq il-Qorti mixli li qabbad żewġt irġiel biex jattakkaw lil missier l-eks mara tiegħu, li għandu 62 sena, waqt li dan kien qed jagħmel eżerċizzju fiżiku f’Tas-Sliema. 

Il-Pulizija ddeskriviet lil Matthew Joseph Schembri ta’ 37 sena minn Tas-Sliema, li huwa direttur ta’ kumpanija, bħala l-allegat mandant f’dan il-każ li seħħ il-Ħamis filgħodu.

Flimkien ma’ Schembri tressqu wkoll iż-żewġ allegati aggressuri – Xhovano Ndoci u Agostin Marku, it-tnejn ta’ 23 sena u ta’ nazzjonalità Albaniża. It-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. 

Kien għall-ħabta tas-7.15 a.m. meta Louis Spiteri safa aggredit minn żewġ persuni fix-Xatt ta’ Qui-Si-Sana, f’Tas-Sliema. Spiteri qal li waqt li kien qed jiġri, innota żewġt irġiel bilqiegħda fuq bank u wieħed minnhom qam u tah daqqa ta’ ponn. 

L-allegati aggressuri mbagħad ħarbu minn fuq il-post. Wieħed minnhom kien miżmum minn membri tal-pubbliku u wara kien arrestat mill-pulizija u l-ieħor kien arrestat aktar tard waranofsinhar. 

Minn iżjed investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-aggressjoni kienet waħda premeditata u allegatament iż-żewġ barranin kienu mqabbdin minn persuna oħra sabiex isegwu lill-vittma u jħebbu għalih. Inzerta li waqt li l-vittma kien qiegħed f’Tas-Sliema li ż-żewġ persuni sabu l-mument opportun, waqqfuh u aggredewh. 

L-investigazzjonijiet wasslu biex tard il-Ħamis billejl, il-Pulizija identifikat l-allegat mandant – Malti ta’ 37 sena u ġie arrestat. 

Fil-Qorti ħareġ kif iż-żewġ barranin kienu qed jgħixu fi proprjetà pprovduta lilhom minn Schembri. L-Avukat Dean Hili, li deher għaż-żewġ Albaniżi, qal li l-klijenti tiegħu kienu qalu lill-pulizija li huma kienu aġixxew fuq struzzjonijiet allegatament mogħtija lilhom minn Schembri.

Dr Hili qal li huma spiċċaw litteralment ilsiera tal-Malti bit-tama li jkollhom x’jieklu u allegatament ħebbew għal persuna li lanqas biss kienu jafuha. Żied jgħid li Schembri kien uriehom ritratt tal-vittma. 

Il-Prosekuzzjoni ddeskriviet dan il-każ bħala wieħed “serjissimu” u li l-aħbar tal-attakk qajjem paniku sħiħ madwar il-pajjiż u qanqal ċertu biża’ li dawk li jkunu mexjin f’Tas-Sliema jistgħu jiġu attakkati. Qal ukoll li l-vittma f’dan il-każ huwa raġel anzjan li ġie attakkat waqt li kien għall-affari tiegħu jagħmel l-eżerċizzju.

L-Ispettur Lydon Zammit qal li hemm diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu fosthom il-vittma u l-familjari tiegħu. Qal ukoll li l-allegati aggressuri m’għandhomx indirizz fiss u hemm il-biża’ li jaħarbu mill-pajjiż. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet imputati u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma li qed jidher għalih l-Avukat Matthew Xuereb.

Sport