Raġel ta’ 34 sena mill-Maċedonja iżda jgħix San Pawl il-Baħar ġie akkużat fil-Qorti li wettaq vjolenza domestika fuq martu. Fuq ordni tal-Qorti hu baqa’ jinżamm arrestat hekk kif wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon qalet li fid-19 ta’ Ġunju li għadda, ir-raġel weġġa’ b’mod gravi lil martu, li inġurjaha, li heddidha u li ħebb għaliha.
L-Ispettur heldon qal li l-akkużat irritorna lura d-dar waqt li martu kienet qed tipprova traqqaf lill-wild tagħhom. Hu daħal id-dar taħt xurban.
Tul is-smiegħ fil-Qorti, l-akkużat deher emozzjonat ħafna tant li f’ħin minnhom beda jirtogħod u anke jibki. Hu beda jħares lejn martu li kienet qiegħda bilqiegħda warajh.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-koppja daħlu f’argument, u li imbgħad spiċċat ġlieda fiżika. Allegatament ir-raġel beda jiġbed ix-xagħar ta’ martu, kisrilha subgħajha u beda jheddidha. Fil-fatt hija kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba ksur f’suba’ u saħansitra kellha ssirilha operazzjoni.
Waqt li kienet rikoverata l-isptar u beda jibgħatilha diversi messaġġi fejn fost l-oħrajn qallha li kien qed jiddispjaċih għal dak li wettaq. Hu beda jhedded li se jwettaq suwiċidju.
Kien hawn li r-raġel kellu jinġabar minn uffiċjali biex jittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie deċiż li jittieħed l-Isptar Monte Carmeli għal aktar kura.
Il-Maġistrat Joseph Gatt ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-mara, u ordna lir-raġel biex sakemm jintemm il-każ fil-Qorti fl-ebda ħin ma jagħmel kuntatt magħha. Ġie mwissi wkoll li jekk kontra din l-ordni jista’ jeħel multa ta’ €7,000, sentejn priġunerija jew it-tnejn.