Friday, May 3, 2024

Mixli li seraq karozza tlitt ijiem wara li ngħata sentenza sospiża … Ħabat u baqa’ sejjer

Aqra wkoll

Raġel li t-Tnejn li għadda ngħata sentenza sospiża wara li seraq minn kaxxa tad-donazzjonijiet fi knisja, reġa’ tressaq il-Qorti mixli li seraq karozza.

Ihor Cardaci, Ukren ta’ 31 sena, kien mixli b’serq ta’ Suzuki Swift, attentat ta’ serq ta’ Ford Focus kif ukoll serq aggravat ta’ oġġetti personali ta’ sid il-karozza. 

Huwa kien mixli wkoll li kkaġuna ħsarat fi proprjetà ta’ ħaddieħor, li saq b’mod perikoluż u mingħajr ma kellu liċenzja u ma kienx kopert b’polza ta’ assigurazzjoni, li saq taħt l-influwenza tal-alkoħol u li għex ħajja ta’ vagabondaġġ.

Cardaci kien akkużat ukoll li kiser sentenza sospiża l ingħatatlu t-Tnejn li għadda u li sar reċediv. 

L-Ispettur Christabelle Chetcuti, qalet fil-Qorti li l-karozza kienet irrappurtata li nsterqet minn garaxx f’Birkirkara. Filmati tas-CCTV wasslu biex surġent tal-pulizija jidentifika lis-suspettat bħala l-persuna li, aktar kmieni matul il-ġurnata, allegatament deher jipprova jidħol f’karozzi oħra pparkjati fl-istess triq.

Ir-raġel deher jixbah ukoll lill-persuna li tlitt ijiem biss qabel kien ammetta li seraq mill-kaxxa tad-donazzjonijiet fil-Knisja ta’ Santa Tereża, f’Birkirkara.

Il-Pulizija bdiet tfittxija għall-allegat suspettat fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar fejn kien ikun u ltaqgħu ma’ karozza li dehret li kienet involuta f’ħabta. Ir-raġel instab jgħix f’post li ma kienx abitabbli.

L-imputat, assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Leontine Calleja, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u nżamm arrestat.

Sport