Żagħżugħ ta’ 21 sena miż-Żurrieq ingħata twissija mill-Maġistrat wara li kien mixli li daħal jisraq mir-residenza ta’ ommu.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wissiet lill-imputat li kien qed “jaħli ħajtu” minkejja li hemm persuni oħra li qed jipprovaw jgħinuh biex jagħmel l-għażliet it-tajba.
Il-Qorti semgħet kif nhar id-19 ta’ Ġunju li għadda, il-pulizija kienet irċeviet rapport li Luke Cremona kien daħal fil-proprjetà ta’ ommu f’Birżebbuġa fil-ġurnata ta’ qabel waqt li hija ma kinitx id-dar. Huwa allegatament kien seraq xi oġġetti minn dik il-proprjetà.
Fl-20 ta’ Ġunju, il-pulizija marret biex tarresta lill-imputat mid-dar tiegħu iżda kienu informati li huwa kellu appuntament mal-uffiċjal tal-probation. Dakinhar is-sessjoni mal-uffiċjal tal-probation kienet intemmet ħesrem meta l-imputat beda jpejjep fil-preżenza tagħha.
Iktar tard, l-uffiċjal tal-probation kellha tieħu lil Cremona l-għassa bil-karozza tagħha iżda eventwalment kellhom xi jgħidu u allegatament imbottaha ‘l barra mill-karozza u telaq biha minn fuq il-post. Il-pulizija kienu sabu l-karozza abbandunata ħdejn ħanut tal-laħam.
Cremonaa kien arrestat wara tfittxija għalih li damet għaddejja tlitt ijiem, li matulhom naqas milli jattendi l-Qorti f’każ separat u allegatament naqas milli jiffirma l-għassa. It-Tlieta li għadda, huwa kien mixli wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa favur ommu.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.