Monday, September 23, 2024

Mixli li seraq mill-uffiċċju ta’ min iħaddmu u heddu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 44 sena minn Birkirkara tressaq fil-Qorti mixli li daħal jisraq mill-uffiċċju ta’ min iħaddmu u allegatament heddu.

Emmanuel Sank tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mixli b’seraq aggravat, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li għamel użu minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika. 

L-Ispettur Francesca Calleja, li mexxiet il-Prosekuzzjoni, spjegat fil-Qorti kif fl-4 ta’ Settembru li għadda raġel mar jirrapporta fl-Għassa ta’ Birkirkara li kien sab il-bieb tal-uffiċċju tiegħu żgassat u €850 nieqsa.

Minn analiżi li saret tal-filmati tas-CCTV mill-uffiċċju, raġel deher jiżgassa l-bieb u jisraq il-flus. Sank, li huwa impjegat fl-istess kumpanija, kien identifikat f’dawn il-filmati filwaqt li l-pulizija kienet irċeviet recording ta’ telefonata li saret wara mill-imputat lill-vittma li fiha allegatament kien sar xi theddid.

Sussegwentement kien inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Sank, u meta l-pulizija marru jħabbtu mal-bieb tar-residenza tiegħu biex jarrestawh, ma sabuhx hemm. Il-pulizija kienet ċemplitlu u ntalab imur l-Għassa tal-Ħamrun, fejn eventwalment ġie arrestat.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000.

L-Avukat Mark Busuttil

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport