Marokkin ta’ 26 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, baqa’ jinzamm arrestat wara li kien akkużat li stupra mara. Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda filgħaxija hekk kif il-Marokkin kien qiegħed mal-allegat vittma f’Tax-Xbieb.
Hu kien mixli quddiem il-Maġistrat Rachael Montebello, li minħabba li wettaq stupru żamm il-mara kontra r-rieda tagħha.
L-Ispettur Eman Hayman li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal fil-Qorti li nhar il-Ħadd ġew infromati mill-Isptar Mater Dei li kienet iddaħlet persuna li qalet li ġiet stuprata. Hu xehed li wara li saru l-eżamijiet mediċi kollha l-mara talbitu biex tkellmu b’mod privat. Kien hawn li l-allegat vittma ttieħded lejn l-għassa tal-Imsida fil-preżenza ta’ uffiċjal pulizija mara.
Hi tat id-dettalji kollha dwar min kienet qed tallega li stupra u l-Marokkin ġie arrestat ftit tal-ħin wara biex il-pulizija setgħu jkellmuh. Jirriżulta li l-Marokkin u l-mara kienu għadhom kemm bdew relazzjoni ma’ xulxin.
Mistoqsi mill-Maġistrat xi jwieġeb għal dawn l-akkużi, il-Marokkin wieġeb li mhux ħati filwaqt li l-avukat tad-difża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Iżda din it-talba sabet oppożizzjoni qawwija mill-Prosekuzzjoni. L-Ispettur Hayman qal li l-Marokkin ilu sena u nofs biss jgħix f’Malta u għalhekk ma tantx għandu rabtiet mal-pajjiż apparti li l-proċeduri għandhom fi stadju bikri u hemm biża’ li jintmessew il-provi.
Il-Qorti meta ġiet biex tieħu deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest qalet li l-Marokkin m’għandux rabtiet b’saħħithom ma’ Malta u l-gravità tar-reati li jġorru piena ta’ ħabs. Kien għalhekk li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Marokkin jibqa’ jinżamm arrestat.