Wednesday, July 24, 2024

Mixli li ta daqqa ta’ sikkina lil sieħbu fuq spalltu

Aqra wkoll

Marokkin tressaq fil-Qorti mixli li ta daqqa ta’ sikkina lil sieħbu fuq spalltu, f’dak li l-imputat qed jallega li kien nuqqas ta’ kontroll fuqu nnifsu wara osservazzjoni tas-sawm tar-Ramadan il-ġurnata kollha.

L-Ispettur John Sammut, flimkien mal-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ressqu lil Abdelaziz Lakehal ta’ 50 sena quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi u akkużawh li uża sikkina biex jikkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma.

Il-prosekuzzjoni talbet ukoll lill-Qorti sabiex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-familja tiegħu, kif ukoll il-konfiska tas-sikkina li allegatament intużat fl-attakk.

L-Ispettur Sammut spjegat lill-maġistrat li l-vittma kien mar jagħmel rapport l-għassa fl-4 ta’ April u kien akkumpanjat minn oħtu. Huwa deher li kellu ħafna dmija u għalhekk ittieħed b’urġenza l-isptar.

Għall-ewwel il-vittma ma setax jitkellem, iżda l-Erbgħa li għadda rrilaxxa stqarrija mal-pulizija fejn ikkonferma li l-imputat kien allegatament tah daqqa ta’ sikkina fuq spalltu.

Huwa qal lill-pulizija li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.00 p.m. fl-aħħar jum tar-Ramadan. Skont il-vittma, l-akkużat kien tilef il-kontroll tal-emozzjonijiet tiegħu wara li kien ilu jsum il-ġurnata kollha.

Qabel seħħ l-attakk, Lakehal kien ukoll kisser xi platti u oġġetti oħra tal-kċina u l-vittma kien talbu jieqaf. Ftit wara, qal li kien ħass xi ħaġa fuq spalltu x-xellugija u meta dawwar rasu ra d-demm ħiereġ u l-imputat iżomm sikkina f’idu li kellha d-dmija.

Fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija, huwa qal li Lakehal mill-ewwel skuża ruħu u qal li ma kellux l-intenzjoni li jagħtih bis-sikkina. L-ispettur qal li r-rakkont tal-vittma kkonferma dak li oħtu kienet diġà qalet lill-pulizija.

Peress li l-pulizija ma kellhiex l-indirizz tad-dar tal-imputat fid-database tagħhom, iddeċidew li jarrestawh fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Iżda fid-9 ta’ April, waqt li l-ispettur kien qed jipprepara biex japplika għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest, huwa rċieva telefonata mill-għassa fejn infurmawh li r-raġel kien għadu kemm ta ruħu b’idejh lill-pulizija.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Kien f’dan il-mument meta l-avukat tal-vittma, Dr Noel Bianco, iddikjara fil-Qorti li l-klijent tiegħu, li kien ukoll preżenti fl-awla, xtaq jaħfer lill-allegat aggressur.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, wara li kkunsidrat il-fatt li l-allegata vittma diġà ddikjarat bil-ġurament li ħafer lill-imputat u li l-prosekuzzjoni kkoreġiet id-dikjarazzjoni preċedenti tagħha u ddikjarat li ma kienx hemm aktar xhieda ċivili minbarra l-allegata vittma.

Lakehal ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija ta’ €13,000 minn terzi. Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u kien ipprojbit milli jersaq jew javviċina lill-vittma.

Għall-imputat dehru l-Avukat Nicholas Mifsud u l-Prokuratur Legali Colin Galea.

Ekonomija

Sport