Żagħżugħ ta’ 18-il sena tressaq il-Qorti akkużat li l-Ħadd li għadda waddab ‘firecracker’ fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra u weġġa’ ħafif Surġent tal-Pulizija.
Marcellino Mamo tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn ġie mixli wkoll li rreżista lill-uffiċjali tal-pulizija, heddidhom u insultahom, naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u kiser il-paċi pubblika.
Huwa kien mixli li kkawża splużjoni “potenzjalment perikoluża” u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.