Saturday, December 28, 2024

Mixli li weġġa’ ħafif raġel u heddidlu lis-sieħba

Aqra wkoll

Mohammed Ibrahim, Sirjan ta’ 24 sena residenti Birkirkara nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li nhar il-Ġimgħa li għadda, darab ħafif raġel u heddidlu s-sieħba.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li kien għall-ħabta tas-7.30 p.m. meta sar rapport fl-Għassa tal-Ħamrun minn raġel li allega li meta kien viċin ir-residenza tat-tfajla tiegħu, ġie l-imputat u bdew jargumentaw. Huwa allega li l-imputat kien qabad ġebla u waddabha fid-direzzjoni tiegħu bil-kosegwenza li laqtu f’wiċċu. Qal ukoll li lill-imputat kien jafu b’ismu u dakinhar kien ukoll hedded lit-tfajla tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li meta ż-żewġ vittmi marru l-Għassa, ir-raġel ġie mitlub biex jipprovdi karta tal-identità iżda din ma kinitx fuqu, bis-sieħba tiddeċied li tmur tiġborhielu hi. Il-mara qalet li meta marret fuq il-post rat lill-imputat riesaq lejha b’sikkina f’idu u kien għalhekk li marret lura l-Għassa.

Intqal li s-Sibt, għall-ħabta tas-2.00 a.m., inqalgħet ġlieda fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei, bil-vittma jgħid li l-imputat kien tah daqqa f’għajnu. Minn hemm Ibrahim ġie arrestat u ttieħed il-lockup fejn beda jilmenta li kellu bżonn xi pirmli li kienu fir-residenza tiegħu.

Xħin il-Pulizija ħaduh fir-residenza tiegħu, dan allegatament qabeż mit-tieqa tal-kamra tiegħu u ħarab mill-kustodja tal-pulizija. Intalab mandat għall-arrest tiegħu u s-Sibt filgħaxija, l-imputat mar l-Għassa ta’ Birkirkara fejn reġa’ kien arrestat.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt, Ibrahim ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, li ħarab mill-kustodja tal-pulizija u m’obdiex l-ordnijiet tagħhom, li kkaġuna lill-vittmi biża’ li se tintuża’ vjolenza kontrihom, li nnaqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.

Għalkemm l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu u għalhekk baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa filwaqt li l-imputat kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Brincat.

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru parte civile għall-vittmi.

Ekonomija

Sport