Sunday, May 5, 2024

Diskors li fih x’tomgħod

Aqra wkoll

Ma nafx jekk segwejtx id-Diskors li għamel il-President ta’ Malta George Vella fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika nhar it-13 ta’ Diċembru. Kien diskors meqjus għall-aħħar. Metikoluż. Li jħallik imsammar mas-siġġu. Diskors li fih x’tomgħod. Li trid ferm u ferm aktar spazju minn paġna f’gazzetta biex tisiltu biċċa biċċa. Biex tagħraf sewwa l-messaġġi li kien qed jibgħat il-President waqt li tratta diversi temi.

Għażilt l-ewwel tema, dik ta’ żviluppi li ħadd ma jkun qed jipprevedi, kemm politiċi kif ukoll dawk ta’ natura oħra bħalma kienet il-pandemija tal-COVID-19. Żviluppi li l-President jiddeskrivi bħala li kien jixirqilhom l-attenzjoni kollha għax kellhom impatt politiku u soċjali mhux żgħir. Żviluppi li kienu jitolbu li jiġu riżolti b’mod jew ieħor u mingħajr tkaxkir tas-saqajn.

Kliem il-President: “L-akbar theddida kienet l-epidemija tal-COVID-19. Illum bilkemm ma ngħidx li kważi nsejnieha, imma kulħadd jiftakar il-biża’ li ħakimna meta bdew iseħħu l-ewwel każijiet, u sibna ruħna nħarsu lejn futur li ma kienx qiegħed jindika ħlief dlam u inċertezza.

“Il-mod kif irnexxielna bħala pajjiż norganizzaw ruħna, u nikkoperaw ma’, u nobdu lill-awtoritajiet, kien ta’ min ifaħħru, kif fil-fatt għamlu ħafna awtoritajiet barranin. Kien eżempju ċar li meta rridu ningħaqdu, kapaċi nsibu l-forza li nagħmlu dak li huwa fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

“Kien eżempju ċar li kapaċitajiet għandna, nies kompetenti u kapaċi għandna, u li l-qalb kbira tal-Maltin tispikka meta hemm bżonn nieħdu ħsieb xulxin, bħalma wrewna n-nurses u l-carers, li flimkien ma’ numru kbir ta’ ħaddiema oħra f’oqsma differenti għamlu aktar milli kien mistenni minnhom biex jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna, li l-familjari tagħhom ma kinux imħollija jkunu qrib tagħhom minħabba r-regolamenti li kienu ddaħħlu.

“Qiegħed ngħid dan kollu għaliex, sfortunatament, min mhux midħla tas-soċjetà Maltija u jinforma ruħu biss minn dak li jiġi ppubblikat fuq ċertu media, jieħu l-impressjoni totalment opposta, u jaħseb li f’pajjiżna ma fadal xejn tajjeb; ma fadalx nies integri, ma fadalx nies kompetenti, u ħadd ma huwa affidabbli.
“Dan qiegħed ngħidu mhux biex nidħol jew noħloq xi kontroversja, imma għaliex kulħadd jaf li l-verità hija oħra, u fuq kollox għaliex bħala Kap tal-Istat Malti nweġġa’ meta nara lil pajjiżna jiġi mżeblaħ b’dan il-mod speċjalment quddiem il-barranin.”

Meta taqra kliem bħal dan u toqgħod tixtarru bilfors ikollok tistaqsi lilek innifsek kif hawn minn fostna li għal raġuni jew oħra jasal biex jagħmel dak li rrefera għalih il-President.

It-ton ta’ tħassib tal-President tħossu aktar u aktar meta tisimgħu jgħid li “meta tkellimt dwar l-għaqda nazzjonali, kien hemm min kien kritiku ħafna. Żgur ma rrifletta xejn tajjeb fuq pajjiżna, kemm politikament kif ukoll amministrattivament, li biex instab qbil dwar min jokkupa r-rwol kostituzzjonali ta’ Ombudsman, kellna nistennew kważi sena u nofs.

“Qiegħed ngħidu wkoll frott id-diqa tiegħi li wara xogħol kbir li sar fil-ġbir u l-analiżi tas-suġġerimenti mill-pubbliku inġenerali u minn korpi kostitwiti, dwar tibdil mixtieq fil-Kostituzzjoni, inżammejt milli nkompli l-proċess biex tissejjaħ Konvenzjoni, għax minkejja l-attentati tiegħi kollha, ma kienx hemm rieda li jinstab qbil dwar dik il-persuna li kellha tmexxi din il-Konvenzjoni.

“Il-President tar-Repubblika waħdu ma jagħmel xejn. Bħal kull funzjonarju għoli ieħor, jiddependi mill-koperazzjoni ta’ ħafna entitajiet oħra. Il-poteri tiegħu huma limitati, imma sfortunatament, anke min suppost jaf aħjar, għal raġunijiet tiegħu, jistenna mingħand il-President azzjonijiet jew deċiżjonijiet li strettament ma jaqgħux taħt il-kompetenza tiegħu.”

Nieqaf hawn fuq din is-silta u filwaqt li nħallik tixtarr, nistiednek takkwista kopja tad-Diskors sħiħ ħalli tkun tista’ tapprezza aktar l-għaqal u d-dehen tal-President.

Karin Grech

Nhar il-Ħamis li għadda, 28 tax-xahar, kien is-46 anniversarju minn meta nies krudili litteralment biċċru lil Karin Grech, tfajla ta’ 15-il sena, permezz ta’ ittra-bomba indirizzata lil missierha l-Professur Edwin Grech. Ittra-bomba mgeżwra f’karta li kienet tagħti l-impressjoni li l-kontenut kien xi rigal tal-jiem festivi ta’ tmiem is-sena.

Il-pjan tal-imħuħ monstri wara dan il-qtil politiku, qtil barbaru, kien li joqtlu lill-Professur Edwin Grech. U għaliex dan? L-istorja magħrufa minn kulħadd, anke jekk hawn min forsi jrid inessiha. Dak iż-żmien kienet għaddejja tilwima bejn l-Assoċjazzjoni tat-Tobba Maltin (MAM) u l-Gvern Laburista mmexxi mill-Perit Dom Mintoff li ried jintroduċi sistemi fil-qasam mediku, partikularment fl-Isptarijiet, li minnhom kien se jibbenefika l-poplu. Il-MAM kellha l-appoġġ assolut tal-Partit Nazzjonalista, allura fl-Oppożizzjoni. Il-MAM kienet ordnat strajk. It-tobba membri tagħha għażlu li jabbandunaw lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Mhux it-tobba Maltin kollha kienu jaqblu mal-MAM u għax ma kienux jaqblu ġew bojkottjati soċjalment. Il-Professur Grech mhux talli ma kienx jaqbel talli ġie minn barra l-pajjiż biex ikun jista’ jservi lill-pazjent Malti u Għawdxi. Jirriżulta li kien hemm min ried jitterrorizza lil tobba bħall-Professur Grech. Intbagħtu żewġ ittri-bomba, dik lill-Professur Grech u li splodiet f’idejn bintu Karin fl-entużjażmu tagħha biex tiftaħ ir-rigal li wasal għand missierha, u oħra lit-Tabib Pawlu Chetcuti Caruana tal-Mosta, li fortunatament ma splodietx.

Sfortunatament id il-ġustizzja umana qatt ma rnexxielha tilħaq lil min kien wara dan l-assassinju ta’ tfajla fil-fjur tagħha. U allura mhux magħruf jekk kull min kien involut f’dan l-assassinju politiku għadux jiġri mas-saqajn. Imma ċertament li għad hawn mas-saqajn li nhar il-Ħamis li għadda meta ħares fil-mera flok wiċċu ra wiċċ Karin.

Possibbli li nies bħal dawn ma jħossux xi forma ta’ rimors? Possibbli li għandhom kuxjenza tant xierfa li ħalliethom u għadha tħallihom jgħixu trankwilli?

Huwa dmir kull wieħed u waħda minna li nibqgħu nfakkru lil Karin Grech u lil missierha Edwin. Jagħmel x’jagħmel kull min irid inessihom.

Sport