Saturday, December 21, 2024

Mixli li wegġġħu gravi wara li sparalu tir f’siequ

… ieħor li kien qed jakkumpanjah jammetti li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Christopher Philip Agius ta’ 32 sena residenti Raħal Ġdid tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel ieħor wara li allegatament sparalu tir f’siequ.

Il-każ seħħ nhar it-3 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tas-1.20 a.m., barra l-istabbiliment “Black Gold Saloon”, li jinsab fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. 

Agius kien mixli wkoll li kkaġuna lill-vittma biża’ li se tintuża vjolenza kontrih jew kontra l-proprjetà tiegħu, li kellu arma tan-nar mingħajr liċenzja u li kiser il-paċi pubblika. 

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità serjissima tal-każ u l-fatt li għad fadal diversi xhieda li għad iridu jixhdu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba minħabba n-natura tal-każ u l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.

Sadanittant, tressaq ukoll Aaron Cassar ta’ 43 sena residenti l-Imqabba, li kien fil-kumpanija tal-allegat aggressur dakinhar li seħħ il-każ. Huwa kien mixli iżda b’rabta mal-ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Wayne Camilleri, stazzjonat l-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji, xehed li l-każ kellu l-bidu tiegħu nhar it-3 ta’ Novembru wara li l-Pulizija rċeviet rapport li għall-ħabta tas-1.20 a.m., fuq barra ta’ stabbiliment fil-Gżira, kienet għadha kemm seħħet sparatura fejn kien hemm anke persuna midruba b’tir.

Spjega li-Pulizija kienet elevat filmati tas-CCTVs kemm tal-istabbiliment u anke tal-madwar fejn irriżulta li l-persuna li kien spara allegatament kien Christopher Agius filwaqt li l-persuna l-oħra li kien miegħu kien Aaron Cassar.

Intqal li Cassar ma kellux sehem fl-isparatura iżda kien qed jakkumpanjah. Huwa kellu żewġ kundizzjonijiet relatati mal-ħelsien mill-arrest u fil-ħin li seħħ il-każ, Cassar suppost kien qiegħed id-dar.

Il-Pulizija kompliet bil-ħidma tagħha biex tintraċċa liż-żewġ imputati fejn irriżulta li dawn għamlu lejl f’lukanda f’Għajn Tuffieħa. Fl-istess waqt fil-lejl ta’ bejn it-12 u t-13 ta’ Novembru li għadda, Cassar kien ukoll raqad f’din il-lukanda u anke reġa’ kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest meta suppost kien qiegħed id-dar.

Cassar eventwalment kien arrestat nhar it-Tnejn li għadda, għall-ħabta tas-7.00 p.m., fil-Wied ta’ Birkirkara. Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bis-sentenza fil-konfront tiegħu mistennija tingħata fil-21 ta’ Novembru li ġej. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Michael Vella. L-Avukat David Gatt deher għall-imputati. 

Ekonomija

Sport