Tuesday, August 19, 2025

Mixlija li qarrqet b’żewġt iħwienet f’Għawdex b’pagamenti online foloz

Aqra wkoll

Sarah Darmanin ta’ 38 sena residenti Għajnsielem, Għawdex, tressqet b’arrest quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana, fejn ġiet mixlija li fil-ġimgħat li għaddew qarrqet b’żewġt iħwienet f’Għawdex meta pprovat tħallas b’pagamenti online foloz. Hi kienet mixlija wkoll li kienet riċediva. 

L-imputata, li fil-Qorti qalet li bħalissa tinsab mingħajr impjieg u qiegħda ttiġi segwita mill-ħaddiema soċjali, wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha.

L-Ispettur Keith Xerri spjega fil-Qorti li Darmanin kienet arrestata wara żewġ rapporti li saru minn żewġt ħwienet differenti, it-tnejn fir-Rabat, Għawdex.

L-Ispettur Xerri qal li fl-4 ta’ Lulju li għadda sar rapport lill-Pulizija mis-sid tal-ħanut ‘Tutto Casa’ liema ħanut ibigħ ‘appliances’. Fir-rapport intqal li l-imputata kienet marret biex tixtri xi affarijiet u tat lill-ħanut proof of payment wara li ħallset permezz tal-APS online banking u wara rriżulta li kien falz u l-flus m’għaddewx.

It-tieni rapport sar fit-8 ta’ Awwissu li għadda meta din id-darba s-sidien tal-‘Arkadia Food Store’ rrapportaw li l-imputata kienet ordnat xirja online u wkoll għamlet proof of payment permezz tal-APS online Banking. 

L-Ispettur żied jgħid li l-ħaddiema tal-‘Arkadia Food Store’ kienu ħadu x-xirja lill-imputata d-dar u wara rriżulta li l-pagament m’għaddhiex. 

Kien għalhekk li ntalab mandat ta’ arrest fejn ġiet arrestata u anke mitkellma mill-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li fit-12 ta’ Ġunju li għadda l-imputata kienet diġà nstabet ħajta ta’ akkużi simili. Dakinhar kienet ingħatat ċans ieħor u ġiet ikkundannata sentenza sospiża.

Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputata, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fatt li dawn ir-reati allegatament twettqu metta hija kienet qiegħda fuq perjodu ta’ sentenza sospiża.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ordnat li l-imputata tibqa’ tinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri filwaqt li l-Avukat Chris Said deher għall-imputata. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport