Saturday, January 3, 2026

Mixlija li wettqu tliet serqiet fl-istess jum f’Għawdex

Aqra wkoll

Żewġt irġiel baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu fil-Qorti t’Għawdex mixlija b’diversi akkużi fosthom li allegatament wettqu tliet serqiet fl-istess jum.
L-imputati huma Sandro Mifsud ta’ 52 sena residenti Għajnsielem u Gabriel Spiteri ta’ 36 sena residenti r-Rabat, Għawdex.

Huma ġew mixlija li nhar it-Tlieta li għadda, bejn il-ħinijiet ta’ nofsinhar u s-2.30 p.m., serqu tliet fliexken whiskey minn ħanut li jinsab fir-Rabat, Għawdex u aktar kmieni fl-istess jum serqu oġġetti minn supermarket u ħanut ieħor f’Għajnsielem.
L-imputati kienu mixlija wkoll li bejn it-30 u l-31 ta’ Diċembru 2025 laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa jew meħuda b’qerq.

Mifsud waħdu kien mixli li nhar is-26 ta’ Diċembru 2025, seraq flixkun whisky minn ħanut fir-Rabat Għawdex u li ħamest ijiem wara allegatament ħebb kontra żewġ persuni biex jinġurjahom, idejjaqhom jew jagħmlilhom il-ħsara.
Spiteri waħdu kien mixli li bejn it-Tlieta u l-Erbgħa li għadda naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arest.

Il-Qorti ġiet mitluba sabiex titratta lill-akkużat Mifsud bħala riċediv u dan b’diversi sentenzi tal-Qrati Maltin, liema sentenzi saru definittivi u ma jistgħux jinbidlu.
Fil-Qorti t’Għawdex, iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri. Għal Mifsud deher l-Avukat Chris Said filwaqt li Spiteri kien assistit mill-Avukat Joseph Grech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport