Tuesday, November 12, 2024

Mixtieqa standards ogħla waqt xogħljiiet fit-toroq

Aqra wkoll

“Nixtieq li jkollna standards aqwa meta jkunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq. Se jitwaqqaf tim li se jkun qed jagħtina strateġija ta’ kif se naslu hemm.” Kien il-Ministru Aaron Farrugia li qal dan meta kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2024 għall-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.

Il-Ministru Farrugia beda biex spjega li jeħtieġ li jkollna infrastruttura li tikkompeti mal-aqwa bliet u reġjuni fid-dinja biex pajjiżna jkompli jibni ekonomija li tattira investiment ta’ valur addizzjonali akbar. 

“Komplejna noffru s-soluzzjonijiet għall-isfidi li għandna llum u għada imma anke l-viżjoni għall-10 snin li ġejjin,” qal il-Ministru Farrugia. “Qed inkomplu nibnu fuq il-proġetti kapitali wieħed wara l-ieħor biex inkomplu ntaffu l-isfida tat-traffiku.”

Huwa tkellem dwar l-aġenzija Infrastructure Malta li ddeskrivieha bħala simbolu ta’ reżiljenza li kompliet twettaq ħemel ta’ proġetti infrastrutturali. Fost il-proġetti hemm dawk ta’ Triq il-Kosta, il-Kappara Junction, is-Central Link, il-Marsa Ħamrun Bypass, il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport (KTAIP), il-Luqa Junction u l-Underpass tal-Imrieħel fost l-oħrajn.

Il-Ministru Farrugia rrefera wkoll għal investimenti kbar oħra fosthom is-Shore-to-Ship, fejn Malta se tkun minn tal-ewwel fl-Ewropa li tintroduċi sistema tal-elettriku mix-xatt għall-bastimenti. Investiment ta’ €50 miljun li se jwassal għal tnaqqis ta’ madwar 90% fl-emissjonijiet fil-portijiet u li minnu se jgawdu mas-17,000 familja li jgħixu fil-Port il-Kbir. 

Tkellem dwar l-industrija tas-superyachts li qal li kompliet tissaħħaħ permezz tat-tnedija ta’ dokument ta’ viżjoni għal din l-industrija. Semma wkoll ix-xogħol li għaddej fi Triq Sant Andrija, fis-Swieqi fejn se jkunu eliminati t-traffic lights fl-inħawi u anke tiżdied is-sigurtà. 

Dwar il-proġett tal-Imsida Creek, il-Ministru Farrugia qal li għalaq il-proċess tat-tender għal proġett ieħor state of the art, li 60% minnu se jkun iddedikat għal spazji miftuħa. Dan il-proġett se jinkludi wkoll xogħlijiet biex jitnaqqas l-għargħar f’dawn l-inħawi. 

Il-Ministru Farrugia żied jgħid li dan il-Gvern qed joffri lin-nies alternattivi realistiċi għall-vetturi privati tagħhom. “Malta bi pjan ta’ mobilità attiva fuq livell nazzjonali. Investiment ta’ €35 miljun biex tinħoloq infrastruttura tajba u sigura għal persuni li jridu jimxu, jużaw ir-rota, jew mezzi oħra lil hinn mill-karozza.”

Flimkien ma’ dawn hemm it-trasport pubbliku bla ħlas u ż-żieda fil-flotta ta’ karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku. Tenna wkoll li se jkomplu jinċentivaw ix-xiri ta’ vetturi bla emissjonijiet permezz ta’ skemi favur l-ambjent.

Ekonomija

Sport