Monday, April 29, 2024

AKTAR MIŻURI GĦAT-TRAŻŻIN TAL-VJOLENZA DOMESTIKA 

Aqra wkoll

Il-vjolenza domestika hi pjaga mhux biss f’pajjiżna imma anke ta’ bosta pajjiżi oħra. F’pajjiżna, ta’ sikwit nisimgħu b’każi fejn isseħħ din it-tip ta’ vjolenza, li tħalli warajha vittmi u anke marki fiżiċi u psikoloġiċi li jibqgħu hemm għal tul ta’ żmien. Stejjer li mhux biss jinvolvu lin-nisa, li jibqgħu l-aktar predominanti, imma anke vjolenza fuq l-irġiel. Huwa għalhekk li nemmnu li għandha tkompli l-ħidma sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra din il-pjaga u dan billi jitqajjem aktar għarfien dwar l-aċċessibilità tas-servizzi offruti.

Diġà sar l-ewwel bil-miżura li permezz tagħha, persuni f’relazzjoni jistgħu jiċċekkjaw jew is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom għadhomx każi relatati ma’ vjolenza domestika. Dan ħalla impatt pożittiv tant li kien hemm seba’ persuni li diġà għamlu użu ta’ din il-miżura.

Intant, ilbieraħ tfakkar l-ewwel sena mill-qtil xokkanti ta’ Bernice Cassar. Każ li qajjem agħa sħiħ fil-pajjiż u wassal sabiex jittieħdu diversi deċiżjonijiet dwar kif tista’ tiġi indirizzata aħjar il-pjaga tal-vjolenza domestika. F’dan l-ambitu, il-Gvern kien ħatar ukoll inkjesta ministerjali mmexxija mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valencia biex ikunu stabbiliti l-fatti u ċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan il-qtil.  

Mir-rapport tal-Imħallef Emeritu Valencia kienu ħarġu diversi rakkomandazzjonijiet u tajjeb li ninnutaw li diġà twettqu 70% minnhom, bit-30% l-oħra jinsabu fil-proċess li jitwettqu wkoll. Qabel xejn, tajjeb li ninnutaw it-twaqqif ta’ Taqsima speċifika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija biex tittrata każi ta’ vjolenza domestika. Din it-Taqsima kompliet tissaħħaħ b’ingaġġ ta’ aktar pulizija, li maż-żmien tħarrġu dwar kif jitrattaw ma’ każi bħal dawn. 

Aktar miżuri li ħallew impatt f’dan il-qasam kienu li żdiedu għal tnejn il-Maġistrati ffukati biss fuq dawn il-każijiet filwaqt li ġew allokati aktar seduti sabiex jitħaffef il-proċess f’dawn il-każi. Novità oħra hi dik li se jkunu introdotti panic buttons, apparat żgħir li jista’ jkun moħbi wkoll, li bih il-vittmi ta’ vjolenza domestika jindikaw lill-pulizija meta jkunu jinsabu fir-riskju li ssir vjolenza fuqhom. Permezz ta’ dan l-apparat, il-pulizija jingħataw sinjal ta’ fejn iridu jmorru fuq il-post. 

Nittamaw li dawn il-miżuri kollha jservu ta’ deterrent biex tonqos il-vjolenza domestika mis-soċjetà Maltija fejn għad hawn min ma jersaqx ‘il quddiem minħabba biża’ u theddid.

Sport