Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif il-vittma allegata għadha trid tixhed fil-kawża.
Raġel ta’ 46 sena baqa’ miżmum arrestat wara li ċaħad akkużi relatati ma’ vjolenza domestika b’rabta ma’ allegat inċident li seħħ mal-eks sieħba tiegħu.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Carlos Cordina, spjegat li l-każ beda wara rapport li għamlet il-vittma allegata fl-1 ta’ Awwissu.
Skont il-prosekuzzjoni, il-mara rrappurtat li meta kienet irritornat minn ħarġa flimkien ma’ binha, sabet lill-akkużat ħdejn id-dar. Intqal li dan ried jara lit-tifel minkejja li ma kellux dritt ta’ aċċess għalih.
Il-vittma allegat li l-akkużat daħħal idu fil-karozza u aggrediha. Hija rrappurtat ukoll li kellha panic button magħha, iżda ma rnexxilhiex tattivah għax allegatament tajjarhulha minn idha waqt l-inċident.
Persuni li kienu fil-viċin intervjenew qabel waslet il-pulizija. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li mill-ewwel deher li l-vettura tal-vittma kienet ġarrbet xi ħsarat.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-avukat difensur Roberto Montaldo talab għall-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-każ oriġina minn tilwim dwar l-aċċess għat-tifel. Żied jgħid li l-akkużat qatt ma kellu problemi simili f’relazzjonijiet preċedenti.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li sostniet li l-vittma allegata għadha trid tixhed u li l-fatt li kienet qed iġġorr panic button jindika li seta’ kien hemm biża’ minn qabel.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jibqa’ miżmum arrestat.
Fuq talba tal-prosekuzzjoni, u mingħajr oġġezzjoni mid-difiża, il-qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma allegata.

