Kien fis-snin ħamsin meta iddebutta t-tim nazzjonali tal-futbol fix-xena internazzjonali, eżattament fi Frar tas-sena 1957. Logħba li ħafna għadhom jiftakruha. Malta kienet 3 – 0 minn taħt. Rimonta Maltija naqset id-distakk għal gowl wieħed. Jekk imbagħad nieħdu is-snin tmenin naraw li dawn jibqgħu imfakkra għal plejers bħal Carmel Busuttil, Raymond Vella, John Buttigieg, Silvio Vella, Michael Degiorgio, Raymond Xuereb u Kristian Laferla u oħrajn.
Wieħed ma jistax jinsa ir-rebħa ta’ 2 – 1 fuq l-Iżlanda fil-kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tas-sena 1984. Wieħed ma jistax jinsa il-partita f’Ta’ Qali kontra Spanja fejn sas-60 minuta Malta kienet qed tirbaħ bl-iskor ta’ 2 – 1 b’doppjetta ta’ Carmel Busuttil, fejn finalment Spanja rebħu 3 – 1 b’gowl fl-aħħar sitt minuti. Ma’ dawn insemmu logħbiet oħra memorabbli bħal logħba f’Ta’ Qali mat-tim Nazzjonali Taljan u mat-tim tal-Ġermanja tal-Punent. Nostalġija. U llum meta tħares lura ma tistax ma tistaqsix x’sar minnhom dawk il-plejers? Mistoqsija li tweġiba għaliha ma jkollokx. Il-ħsieb li jgħaddilek hu li kif waqfu mill-futbol minħabba l-età bil-mod il-mod inqatgħu minn dawk li kienu jsegwuhom. Isimhom kien spiċċa biss nostalġija u parti mill-istorja tal-futbol. Imma dawn il-‘leġġendi Maltin’ – dawn li kienu parti mill-istorja tal-futbol Malti bis-suċċessi u d-diżappunti, għandhom jibqgħu nostalġija? Il-ġenerazzjoni ta’ llum x’taf dwarhom? Qatt semgħet bihom? Jafu x’taw għal logħba? Jafu bis-sagrifiċċji li għamlu għal flokk li kienu jilbsu? Dan issa se jkun possibbli. Għax dawn il-leġġendi Maltin hux se jibqgħu biss memorja. Il‑memorja ssir kultura, parti mill-identità nazzjonali tagħna.
Proprju nhar l-Erbgħa li għaddew fil-kumpless ta’ Farsons, iltaqgħu xi wħud minn dawn il-plejers flimkien ma’ protagonisti oħra. Carmel Busuttil, Eddie Vella u r-referee Emanuel Zammit fost oħrajn. Magħhom Tony DeBono magħruf għall-passjoni li tmur lil hinn mill‑iSport innifsu — passjoni li tgħaqqad il‑memorja, il‑ġenerazzjonijiet u l‑identità Maltija.
Rajna flimkien wirja li ttellgħet b’materjal uniku dwar it-Tazza tad-Dinja u protagonisti li ħadu senem fiha. Lil Tony DeBono tkellimt miegħu dwar it-twaqqif tal-Malta All Time Football Legends Organisation (MATFLO). X’inhuma l‑għanijiet ta’ MATFLO u għaliex iħoss li wasal il‑mument storiku li Malta jkollha dar uffiċjali għall‑leġġendi tal‑futbol tagħha?
Tony DeBono jiddikjara bla tlaqlieq li “MATFLO mhix sempliċement organizzazzjoni; hija moviment ta’ qalb u identità nazzjonali. Twieldet minn fidi profonda li l‑wirt tat-tim nazzjonali tagħna ma jistax jibqa’ maqful f’ritratti antiki jew f’memorji ta’ ġenerazzjoni waħda. Għandu jkun ħaj, viżibbli, u aċċessibbli għal kulħadd — speċjalment għaż‑żgħażagħ li għandhom bżonn jaraw x’jista’ jagħmel Malti meta jilbes il‑kuluri tiegħu b’ġieħ.”
Missjoni ċara
Tony DeBono jiddikjara li “MATFLO għandha missjoni ċara: li tiċċelebra lil min libes il‑bandiera, li tħares il‑memorja tagħhom, u li tressaq l‑istorja tagħhom lura għand il‑poplu. Din mhix ħidma ta’ nostalġija; hija ħidma ta’ identità nazzjonali.”
Ċelebrazzjoni tal-Leġġendi… kultura u stejjer
Jenfasizza li “MATFLO se toħloq spazji fejn il‑pubbliku jerġa’ jiltaqa’ mal‑plejers li biddlu l‑istorja tal‑futbol Malti: ‘meet‑and‑greets’, awtografi, wirjiet fotografiċi, u ċerimonji tal‑Hall of Fame. Hawnhekk, il‑leġġendi tagħna jerġgħu jieħdu l‑ħajja quddiem il‑poplu. Il‑futbol mhux biss logħba — huwa storja ta’ familji, ta’ sagrifiċċji, ta’ ġenerazzjonijiet. MATFLO se toħloq serati ta’ stejjer, tours kulturali, preżentazzjonijiet ta’ kotba, u gala nights li juru l‑bniedem wara l‑plejer. Hawnhekk, il‑memorja ssir kultura.”
Komunità u Karità… ġenerazzjonijiet magħqudin
Tony DeBono jisħaq li “l‑futbol dejjem kien forza soċjali. MATFLO se torganizza inizjattivi ( diġa kellna tnejn sinifikanti) ta’ ġbir ta’ fondi għal Caritas Malta u NGOs oħra, żjarat fl‑iskejjel, mentorship għaż‑żgħażagħ, u proġetti ta’ CSR mal‑MFA. Hawnhekk, il‑passjoni ssir servizz. Il‑futbol Malti għandu ġenerazzjonijiet ta’ ġojjelli. MATFLO se toħloq spazji fejn plejers anzjani, ta’ nofs il‑karriera u żgħażagħ jiltaqgħu, jaqsmu l‑esperjenza, u jsaħħu l‑identità kontinwa tal‑logħba. Hawnhekk, il‑memorja ssir kontinwità.
“Il‑viżjoni tiegħi bħala President designat, bl-għajnuna tal-membri kollha tal-Bord ta’ Diretturi, l-aktar il-ko fondatur, il-plejer ikoniku Jimmy Briffa. Jien nemmen li MATFLO se tkun id‑Dar Nazzjonali tal‑Leġġendi. Dar fejn il‑memorja ma tintefiex, fejn il‑passjoni titqawwa, u fejn il‑poplu Malti jerġa’ jħoss il‑kburija li dejjem kellu fil‑futbol tiegħu. Din mhix ħidma ta’ ġurnata; hija ħidma ta’ ġenerazzjonijiet. U jien kburi li qed inwassal dan il‑proġett f’isem pajjiż li dejjem emmen fil‑qawwa tal‑iSport.”




