…il-futbol inbidel… qed nimxu fejn imorru l-flus…il-ħin ta’ waqfien biex il-plejers jixorbu saru għar-reklamar
Meta tkellimt ma’ Carmel Busuttil ma stajtx ma nistaqsihx fuq it-twaqqif tal-MATFLO. “Jien jikkuntattjawni b’xi attivitajiet li jkunu se jagħmlu. Dawn ikunu bi skop ta’ karitá. Hemm passjoni. Jiġu nies jieħdu ritratti magħna. Ikellmuna fuq xi logħba partikolari. Jimmy Briffa għamel xi ħaġa kbira li rnexxielu jgħaqqad mill-ġdid l-eks plejers tat-tim nazzjonali.”
“Jien fil-karriera kont fortunat. Kont tfajjel ta’ sittax-il sena. Kont inmur iċ-ċentru sportiv u nilgħab ma’ plejers li kien ikun hemm bħal Jimmy Briffa, Leli Fabri, Eddie Vella fost oħrajn. Is-sur Debattista kien iġib timijiet minn barra.”
Carmel ikompli jgħidli li “inbidlu ir-regoli u tattika. Saru ħafna tibdiliet. Jien inħoss ħafna in-l-individwaliżmu. Qabel fil-logħba kien hemm l-individwaliżmu. Illum iqassmu l-ballun, li lien narah li hu l-akbar żball li jista’ jsir. Timijiet kbar dejjem ibbażaw fuq plejers individwali. Jien inmur fil-belt fejn kont nilgħab fil-Belġju kull sentejn. Hemm differenza kbira minn dak iż-żmien li kont nilgħab jien. Illum it-tim sar kumpanija. Waqt logħba futbol waħda jkun hemm madwar 600 haddiem. Il-flus saru jikkmandaw. Anke jekk ikollhom plejer tajjeb, jekk jiġi ċans li jaqilgħu l-flus jispiċċaw ibiegħuh.”
Nitkellem miegħu dwar kif niftakar il-logħba tal-futbol ħafna aktar eċċitanti mil-lum. Kien żmien fejn konna nistennew li jitfaċċaw l-‘istilel’, marbutin ma’ pajjiż u ieħor. Illum iżda sar kollox idur mal-flus. Għaliex?
Carmel Busuttil jgħid li “jien nemmen li l-aġenti ħassru l-logħba. Kuntratt ta’ tlett snin u fih jagħmlu klawsoli esagerati. Il-lealtà spiċċat. L-aġenti kollox. Illum għoqda ċoff. Mingħalik se tibni tim ma’ plejer u f’daqqa waħda jitlaqlek. Sar kollox flus fuq iż-żewġ naħat.”
Ma naqbilx li jkun hemm 32 tim fit-Tazza tad-Dinja
Nitkellem miegħu dwar din l-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja u kif żdiedu it-timijiet. Jgħidli li “ma tantx insegwi Tazza tad-Dinja. Ma naqbilx li jkun hemm 32 Tim. Anki fiċ-Champions League, jien nemmen li imur fiha min hu champion. Illum imma kollox flus. Għalija ma tagħmilx sens league għaċ-champions, imma imbagħad jieħu sehem timijiet li ma jkunux saru champions fil-league tagħhom. Kollox isir għall-imħatri, li imbagħad dawn jispiċċaw jisponsorjaw il-klabbs.”
F’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja saru affarijiet li ma qbiltx magħhom
Carmel Busuttil jgħidli ukoll li “saru affarijiet f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li ma qbiltx magħhom. Kien hemm il-kwistjoni marbuta ma’ dik il-karta ħamra. Anki l-waqfa li qegħdin jgħidu li ssir biex il-plejers jixorbu, ma naqbilx magħha. Saret għar-reklamar. Il-logħba inbidlet. Kultant sar idejjaqni. Dak li l-ħin kollu jqassmu l-ballun jeqridni. Ma ngħidx li fi żmieni konna aħjar jew agħar. Inbidel. Illum kollox jimxi fejn hemm il-flus.”
Li tilgħab barra minn Malta tgħinek… barra trid tmur
Id-diskussjoni taqa’ fuq il-karriera tiegħu barra pajjiżna. Karriera ta’ suċċess u wieħed mill-ftit Maltin li għamel suċċess fil-logħba tal-futbol barra. Carmel jitkellem dwar id-differenza bejn barra u Malta. Jisħaq li “pajjiż imdawwar bil-baħar u l-ewwel li nagħmel hu li kulħadd ikun jaf jgħum. Naraw li jipprattikaw aktar sport. Il-gvern jgħin imma xorta mhux biżżejjed. Li tilghab barra tgħinek tegħleb il-biża’ ta’ grawnds differenti. Barra trid tmur”, itemm jgħid Carmel Busuttil.

