Wednesday, October 9, 2024

Miżuri biex jiġu megħjuna n-negozji, titnaqqas il-burokrazija u l-inizjattiva ‘Stabbiltà’ diskussi waqt l-ECC

Aqra wkoll

Waqt il-laqgħa tal-Enterprise Consultative Council (ECC), il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri ta l-aħħar żviluppi fuq tliet miżuri speċifiċi li se jkunu qed jgħinu n-negozju u jnaqqsu l-burokrazija. Barra minn hekk, f’dan il-kunsill ġiet diskussa wkoll il-late payment directive u l-ftehim li l-gvern iffirma mal-importaturi u mas-sidien tal-ħwienet biex jinżamm prezz irħas u stabbli fuq il-prezzijiet tal-ikel.

Il-Ministru Schembri tkellem dwar il-Credit Review Office, li se jkun qed jirrikonċilja u jarbitra bejn il-banek kummerċjali u l-klijenti tagħhom dwar applikazzjonijiet għal self li jkun ġie rifjutat. Dwar din il-miżura, il-ministru qal li tlesta l-abbozz ta’ liġi.

Miżura oħra li tkellem dwarha hija biex kumpaniji jkollhom id-dritt li jkollhom kont bankarju. Hawnhekk ukoll, il-ministru spjega li tlesta abbozz ta’ liġi u li qiegħed fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha.

“Dawn il-miżuri huma wegħdiet elettorali li bdejna naħdmu fuqhom sa mill-ewwel jiem ta’ din il-leġiżlatura, bħalma hi l-wegħda li kemm jista’ jkun inkomplu nnaqqsu l-burokrazija permezz tal-ħolqien tas-Central Data Repository Solution. Permezz ta’ din is-sistema se nkunu qed nissimplifikaw il-proċessi sabiex in-negozji ma jkollhomx bżonn jissottomettu l-istess dokumentazzjoni għal numru ta’ drabi ma’ entitajiet regolatorji differenti, inkluż fejn jidħol due diligence, li tibda tgħodd għall-entitajiet governattivi kollha u anke għall-entitajiet privati, bħall-banek,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Il-ministru kompla jispjega li għal dan l-għan, wara konsultazzjoni mal-istakeholders kollha u wara li ħarġet preliminary market consultation li għaliha kien hemm 18-il proposta, issa qed jinkiteb it-tender.

Dwar il-Late Payment Directive, il-Ministru Schembri qal li f’dan l-istadju fejn għadha qed issir diskussjoni fuq livell Ewropew, huwa importanti li l-industrija u l-istakeholders jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwarha. “Irridu nisimgħu mingħandkom ir-realtajiet ta’ pajjiżna, li mhux bilfors huma realtajiet li jolqtu lil pajjiżi oħra. Għalhekk qabel immorru fuq il-mejda tad-diskussjoni u d-deċiżjonijiet, irridu li jkollna aktar tagħrif ta’ kif se nintlaqtu u x’miżuri l-aħjar nieħdu għall-pajjiżna,” spjega l-Ministru Silvio Schembri.

L-Enterprise Consultative Council iddiskuta wkoll il-ftehim li għadu kemm ġie ffirmat bejn il-gvern, l-importaturi u s-sidien tal-ħwienet li se jwassal għal stabbiltà u roħs fil-prezzijiet tal-ikel mill-1 ta’ Frar li ġej.

Sport