Wednesday, July 24, 2024

Mara li qatlet lis-sieħeb b’aktar minn mitt daqqa ta’ sikkina teħlisha mill-ħabs… 

Ir-raġuni li ngħatat hija dik ta’ “psikożi kkawżata mill-kannabis”

Aqra wkoll

Sentenza li qed tqajjem rabja u mistoqsijiet dwar is-sistemi ġudizzjarji hija dik ta’ Bryn Spejcher, il-mara ta’ 32 sena li ħelsitha mill-ħabs wara li fl-2018 kienet instabet ħatja li qatlet lis-sieħeb tagħha, Chad O’Melia, b’xejn inqas minn 108 daqqiet ta’ sikkina. Il-mara, li kienet instabet mill-pulizija bis-sikkina f’idejha meta seħħ il-każ, jingħad li kienet taħt psikożi kkawżata mill-kannabis. 

Fil-proċeduri tal-qorti espert sostna li Spejcher fil-mument tal-attakk sofriet minn psikożi qawwija. Hija mhux biss tat daqqiet ta’ sikkina lis-sieħeb tagħha li kien għad kellu biss 26 sena, imma anke lilha nnfisha. L-imħallef li ppresjeda l-każ baqa’ jinsisti li ma jibagħhiex il-ħabs għax “fil-mument tal-psikożi hija ma kellhiex kontroll fuq l-azzjonijiet tagħha”. 

Oriġinarjament din il-mara Kalifornjana kienet qed tiffaċċja sentenza ta’ ħabs b’massimu ta’ erba’ snin talli tat aktar minn 100 daqqiet ta’ sikkina waqt psikożi kkawżata mill-kannabis. Iżda, f’sentenza li ngħatat din il-ġimgħa, Spejcher minflok weħlet sentenza ta’ sentejn probation u mitt siegħa ta’ servizz fil-komunità. 

Min-naħa tagħha Spejcher esprimiet sogħba għal dak li għamlet fejn spjegat li, “l-azzjonijiet tiegħi kissru familja. Inħossni mkissra u miġugħa minn ġewwa. Jiddispjaċini ħafna li qatt ma jien se nerġa’ nara lil Chad”. 

Hi u s-sieħeb tagħha huma rrapportati li kienu qed jikkonsumaw il-kannabis flimkien ftit qabel ma seħħ l-attakk fatali. Shane O’Melia, ħu l-vittma, kien preżenti waqt il-proċeduri fil-qorti u esprima diffikultajiet kbar biex jaċċetta l-fatt li Spejcher inħelset mill-ħabs. Din is-sentenza qajmet rabja wkoll fil-midja soċjali fejn hemm tħassib li qtil bħal dan u oħrajn jistgħu ma jiġux ikkastigati kif xieraq bl-“iskuża” ta’ psikożi kkawżata mill-kannabis. 

Ekonomija

Sport