Sunday, December 22, 2024

Miżuri drastiċi ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-konfront tar-Russja

- Imwaqqaf in-negozju taż-żejt mar-Russja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Wara li kif rajna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra, Putin daħħal diversi kundizzjonijiet ġodda għall-bejgħ tal-gass Russu lill-pajjiżi li għażlu li ma jappoġġjawhx fil-gwerra kontra l-Ukrajna, matul il-ġimgħa l-oħra rajna lill-Unjoni Ewropea tirritalja bil-kbir. Permezz ta’ dikjarazzjoni li għamlet Ursula Von der Leyen, il-President tal-Kummisjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea sejra tkun qiegħda tniedi proċess li permezz tiegħu sejjer ikun qiegħed jitwaqqaf għalkollox ix-xiri taż-żejt, kemm dak raffinat kif ukoll dak li mhuwiex, mill-membri tal-Unjoni Ewropea, mingħand ir-Russja. 

Skont Von der Leyen, il-mira ta’ dan il-proċess hija li l-bejgħ ikun waqaf kompletament sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-proċess ġie wara li ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar pjan simili sabiex id-dipendenza tal-pajjiżi membri fuq il-gass Russu tonqos b’madwar 70% sal-aħħar tal-2022. Dan il-pjan mistenni li jiġi ppreżentat b’mod uffiċjali lill-ambaxxaturi tal-pajjiżi membri għall-approvazzjoni tagħhom fil-jiem li ġejjin. 

Mat-tħabbira ta’ dan il-pjan, kien hemm żieda ta’ madwar 5% fil-prezz internazzjonali taż-żejt, bil-prezz ta’ kull barmil ta’ żejt li mhuwiex raffinat issa qiegħed jilħaq l-118-il Dollaru Amerikan.

Minbarra dan l-attakk fuq in-negozju taż-żejt Russu, Ursula Von Der Leyen ħabbret li sejrin ikun qegħdin jiġu mdaħħla sanzjonijiet ġodda fuq kumpaniji Russi kif ukoll fuq individwi u entitajiet li qegħdin jappoġġjaw lil Putin kif ukoll fuq xi membri tal-Armata Russa li allegatament għamlu li atti kriminali matul il-gwerra kontra l-Ukrajna.

Reżistenza

Kif kien mistenni, dan il-pjan qiegħed isib ħafna reżistenza sabiex jiġi implimentat. L-Ungerija, permezz ta’ kelliem għall-gvern ta’ Victor Orban, iddikjara f’konferenza stampa li dan il-pjan mhuwiex aċċettabli għall-Ungerija minħabba li “sejjer jeqred l-ekonomija Ungeriża”. 

Għalkemm b’ton ħafna anqas aggressiv minn dak Ungeriż, kemm l-Islovakkja kif ukoll ir-Repubblika Ċeka ngħaqdu mal-Ungerija fil-kritika tal-pjan ta’ Von der Leyen. Dawn iż-żewġ pajjiżi qegħdin jitolbu għall-estensjoni ta’ tliet snin sabiex huma jieqfu milli jixtru ż-żejt mir-Russja.

Min huma l-akbar xerrejja taż-żejt Russu?

Matul is-sena l-oħra, il-membri tal-Unjoni Ewropea mportaw ftit aktar minn kwart taż-żejt tagħhom mir-Russja. Bejniethom il-membri tal-Unjoni Ewropea jixtru madwar 1.23 miljun barmil ta’ żejt Russu kuljum. L-aktar żewġ pajjiżi membri li kienu jixtru żejt mir-Russja kienu l-Olanda u l-Ġermanja. Ta’ kuljum, kull wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi kien jixtri aktar minn 500,000 barmil ta’ żejt li mhuwiex raffinat mir-Russja. Pajjiż ieħor li huwa membru tal-Unjoni u li jixtri ammonti kbar ta’ żejt mir-Russja huwa l-Polonja fejn is-sena l-oħra dan il-pajjiż kien xtara aktar minn 300,000 barmil żejt Russu kulljum. Pajjiżi oħra li jixtri ħafna żejt mir-Russja huma l-Fillandja, l-Italja u l-istess Slovakkja u l-Ungerija.

Ta’ min jgħid li r-Russja hija t-tielet l-aktar pajjiż li jesporta ż-żejt fid-dinja, wara l-Istati Uniti u l-Għarabja Sawdita.

Sanzjonijiet fuq individwi

Kif għedna diġà fl-introduzzjoni, Ursula Von der Leyen ħabbret id-dħul ta’ diversi sanzjonijiet ġodda fil-konfront ta’ individwi u entitajiet oħra Russi.

L-aktar li spikka kien l-attakk li sar fuq xi uffiċjali għolja tal-Armata Russa li qegħdin jiġu akkużati kemm mill-Gvern Ukren, kif ukoll mill-media tal-punent, li wettqu offiżi kriminali waqt il-ġlied fl-ibliet ta’ Mariupol u Bucha.

Barra minn hekk sejrin ikunu qegħdin jiġu imposti miżuri drastiċi kontra xi stazzjonijiet tat-televiżoni, fosthom l-RTR Planeta u l-Rossiya, stazzjonijiet li kemm-il darba gew akkużati mill-media tal-punent li qegħdin ikunu l-‘portavuċi tal-gideb ta’ Vladimir Putin’.

Miżura oħra li sejra tkun qiegħda tiddaħħal fil-jiem li ġejjin hija dik li sejra tkun qiegħda timplimenta s-sospensjoni ta’ servizzi professjonali minn individwi u kumpaniji Ewropej għall-kumpaniji Russi. Dawn jinkludi konsulenzi legali u finanzjarji. 

Sanzjoni oħra importanti tirrigwarda l-iSberbank, bank li jmexxi kważi terz tas-settur bankarju Russu. Minkejja li diġà kienu ddaħħlu ħafna sanzjonijiet fil-konfront tas-settur bankarju Russu, dan il-bank kien tħalla jopera b’mod normali minħabba li s-servizzi tiegħu jinkludu l-ħlasijiet għax-xiri tal-gass mir-Russja. Però, minn issa ‘l quddiem, dan il-bank ukoll, flimkien ma’ żewġ banek oħra kbar, sejjer ikun qiegħed jaffaċċja miżuri iebsa, bl-akbar waħda tkun dik li sejjer ikun sospiż mis-sistema ta’ ħlasijiet kummerċjali magħrufa bħala l-iSwift.

Miżura oħra li ngħatat ċertu importanza mill-media internazzjonali kienet dik li sejrin jiddaħħlu xi sanzjonijiet fil-konfront tal-Knisja Ortodossa Russa wara li l-Patrijarka Ċirillu għazel li jappoġġja pubblikament l-invażjoni tal-Ukrajna u lill-President Vladimir Putin. Spikkat il-kritika tal-Papa Franġisku fil-konfront tal-Patrijarka Russa fejn il-Papa rrefera għalih bħala ‘l-abbati ta’ Putin’.

Piż akbar għall-membri tal-Unjoni Ewropea

Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea huma ferm aktar dipendenti fuq ir-Russja fuq ix-xiri tal-gass milli fuq dak taż-żejt. Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea timporta madwar 40% tal-gass mir-Russja u madwar 25% taż-żejt mill-istess Russja. 

Però, is-sospensjoni tax-xiri tal-gass mir-Russja sejra tkun ħafna aktar ikkomplikati għall-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea milli għall-alleati tagħhom ta’ kontra Putin. Fil-fatt, l-Istati Uniti timporta biss madwar 14% taż-żejt mir-Russja mentri r-Renju Unit jimporta biss ftit aktar minn 3%.

Dan il-pjan aggressiv tal-Unjoni Ewropea mistenni jħalli effetti negattivi kemm fuq il-pajjiżi membri kif ukoll fuq ir-Russja. Dan minħabba li meta dawn l-miżuri jiġu imposti, il-Kremlin sejjer ikun qiegħed jitlef kważi 20% mid-dħul finanzjarju tiegħu. Naturalment din sejra tkun daqqa ta’ ħarta kbira fl-iffinanzjar tal-gwerra li ghaddejja bħalissa.

Fuq in-naħa l-oħra, minbarra ż-żieda fil-prezz taż-żejt li diġà semmejna, permezz ta’ dawn il-miżuri, il-pajjiżi Ewropej sejrin ikunu qegħdin jaffaċċjaw problemi fil-ħażniet ta’ emerġenza taż-żejt tagħhom li bħalissa hija ta’ madwar tliet xhur.

Ekonomija

Sport