Friday, November 15, 2024

Miżuri iżjed stretti għall-importaturi ta’ vetturi użati

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-Vetturi Użati (UVIA), mistennija li timplimenta numru ta’ miżuri iżjed stretti. Dan wara li ssospendiet żewġ membri minn tagħha hekk kif allegatament inqabdu jbigħu vetturi mbagħbsa.

Waħda mill-miżuri li se jkunu qed jiġu implementati hija li l-Assoċjazzjoni se tkun qed twettaq spezzjonijiet għal għarrieda fuq il-membri tagħha, darba fis-sena, apparti d-due diligence li ġa hemm fis-seħħ, biex taċċerta ruħha li dawn il-membri qed jimxu mal-istandards tagħha. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni se tkun qed tiltaqa’ mal-membri tagħha b’mod individwali sabiex tassigura ruħha li din l-istorja ma terġax tirrepeti ruħha.

Dwar dan kien hemm qbil unanimu mill-membri tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-Vetturi Użati sabiex ikun evitat li jerġa’ jirrepeti ruħu każ bħal dan.

L-Assoċjazzjoni sa mill-bidu li twaqqfet saħqet fuq l-importanza li l-membri tagħha għandhom jonoraw standards ta’ kwalità, kemm għall-konsumatur kif ukoll biex tinżamm reputazzjoni tajba.

L-Assoċjazzjoni tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex dawk l-individwi li ntlaqtu minn dan l-inkonvenjent ta’ tbagħbis fil-kilometraġġ, għandhom imorru jagħmlu rapport lill-awtoritajiet – fosthom: l-MCCAA, il-Pulizija u lil Transport Malta.

Ekonomija

Sport