Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Baġit qalet li tinnota li l-Baġit 2027 jinkludi numru ta’ miżuri pożittivi li jsaħħu l-istabbiltà ekonomika, l-investiment u l-kompetittività tan-negozji, filwaqt li jkomplu jipprovdu appoġġ soċjali importanti lill-familji.
Il-Kamra tilqa’ b’mod partikolari l-fatt li se tkompli l-protezzjoni tal-familji u tan-negozji miż- żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u l-fjuwils. L-istabbiltà f’dawn l-oqsma tagħti aktar ċertezza kemm lill-konsumatur kif ukoll lin-negozji, filwaqt li tgħin biex jiġu kkontrollati pressjonijiet inflazzjonarji li jistgħu jolqtu b’mod negattiv il-konsum, l-ispejjeż operattivi u l- kompetittività.
Fl-istess waqt, il-Kamra temmen li numru ta’ miżuri mħabbra fil-Baġit jeħtieġu analiżi bir-reqqa mill-perspettiva Għawdxija, b’mod partikolari dawk marbuta mat-turiżmu u mas-suq tax- xogħol.
Appoġġ għan-Negozji, l-Investiment u l-Istart-Ups
Il-Kamra tilqa’ l-qafas il-ġdid li permezz tiegħu kumpaniji b’turnover li ma jeċċedix €1 miljun jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ taxxa ta’ 25% minflok 35% fuq profitti li jinżammu jew jiġu investiti mill-ġdid fin-negozju. Din il-miżura tista’ tkun partikolarment relevanti għal Għawdex, fejn l-intrapriżi żgħar u mikro jiffurmaw parti importanti mill-ekonomija Għawdxija. L-inċentiv biex il-profitti jinżammu u jiġu investiti mill-ġdid jista’ jgħin biex jiżdiedu l-produttività, l-immodernizzar u l-investiment.
Il-Kamra tilqa’ wkoll l-enfasi kontinwa fuq id-diġitalizzazzjoni, l-awtomazzjoni u l-investiment li jiġġenera valur miżjud ogħla, kif ukoll l-appoġġ li qed jingħata lill-intraprendituri żgħażagħ permezz ta’ inizjattivi bħall-Youth-Led Start-Up Support Scheme.
Dawn il-miżuri huma konformi mal-pożizzjoni li ilha tħaddan il-Kamra li l-ekonomija Għawdxija teħtieġ aktar diversifikazzjoni u aktar opportunitajiet f’setturi ta’ valur miżjud għoli. Għaldaqstant, l-inċentivi nazzjonali għall-innovazzjoni u l-intrapriża għandhom ikunu akkumpanjati minn sforz speċifiku biex Għawdex ikun jista’ jipparteċipa b’mod sħiħ f’din it- tranżizzjoni ekonomika.
It-Turiżmu u l-Eko-Kontribuzzjoni
Il-Kamra temmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari għaż-żieda proposta fl-eko- kontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni turistika.
Minn Jannar 2027, il-kontribuzzjoni se titla’ għal €8 għal kull persuna għal kull lejl, sa massimu ta’ €64, għall-akkomodazzjoni kollettiva, filwaqt li rata ogħla ta’ €10 għal kull lejl, sa massimu ta’ €80, se tapplika għax-short lets.
Filwaqt li l-Kamra tirrikonoxxi l-prinċipju li t-turiżmu għandu jikkontribwixxi għall-pressjonijiet infrastrutturali u ambjentali li joħloq, id-daqs taż-żieda proposta fl-eko kontribuzzjoni teħtieġ li tiġi analizzata bir-reqqa, speċjalment fejn tidħol l-ekonomija Għawdxija.
Is-self-catering u forom oħra ta’ akkomodazzjoni mhux kollettiva jiffurmaw parti partikolarment importanti mill-prodott turistiku Għawdxi. Għaldaqstant, il-Kamra temmen li għandha tiġi spjegata b’mod ċar ir-raġuni għaliex qed tiġi applikata rata ogħla fuq is-short lets milli fuq l- akkomodazzjoni kollettiva, speċjalment fid-dawl tal-impatt li dan jista’ jkollu fuq is-settur turistiku Għawdxi.
Il-Kamra titlob ukoll iktar ċarezza dwar kif ir-rati l-ġodda se japplikaw għat-turiżmu domestiku. Is-suq domestiku huwa importanti ħafna għal Għawdex, b’mod partikolari għall-weekend breaks u ż-żjarat qosra.
Il-pressjoni fuq l-infrastruttura trid ukoll titqies fil-kuntest sħiħ tagħha. L-impatt tat-turiżmu fuq Għawdex ma jinħoloqx biss minn dawk li joqogħdu għal lejl jew aktar. Parti sostanzjali mill- viżitaturi jaslu Għawdex għal ġurnata waħda biss, u xorta waħda jagħmlu użu mit-toroq, l- ispazji pubbliċi, l-infrastruttura marittima u servizzi oħra, mingħajr ma jikkontribwixxu permezz tal-eko-kontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni.Għalhekk, il-Kamra terġa’ ttenni l-pożizzjoni tagħha li d-dħul iġġenerat mill-eko-kontribuzzjoni permezz tal-attività turistika f’Għawdex għandu jiġi investit direttament lura f’Għawdex, fil- prodott turistiku, fl-infrastruttura pubblika, fil-kwalità ambjentali u fl-esperjenza ġenerali tal- viżitatur.
In-nollijiet tal-Gozo Channel u l-ispiża kumulattiva ta’ żjjara f’Għawdex
Il-Kamra temmen li, wara ħafna snin fejn in-nollijiet għal dawk li mhumiex residenti baqgħu baxxi, reviżjoni tan-nollijiet tal-Gozo Channel għal dawk li mhumiex residenti hija ġustifikata.
Madankollu, fil-każ tat-turiżmu internazzjonali din il-miżura ma għandhiex titqies b’mod iżolat. Iż-żieda fin-nollijiet tal-vapur qed tiddaħħal fl-istess waqt ma’ żieda sostanzjali fl-eko- kontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi analizzat l-impatt kumulattiv ta’ dawn il-miżuri fuq l-ispiża totali ta’ btala f’Għawdex, u konsegwentement fuq il- kompetittività tal-prodott turistiku Għawdxi.
Dan huwa aktar relevanti għaliex Għawdex, minħabba l-insularità doppja tiegħu, diġà jinvolvi vjaġġ u spiża addizzjonali għall-viżitatur internazzjonali meta mqabbel ma’ żjara biss f’Malta.
Is-Suq tax-Xogħol u t-Tariffi tal-Permessi tax-Xogħol
Il-Kamra temmen ukoll li għandu jiġi segwit mill-qrib l-impatt taż-żieda fit-tariffi marbuta mal- permessi tax-xogħol għal ħaddiema minn pajjiżi terzi.
It-tariffa għal applikazzjoni ġdida se titla’ minn €600 għal €800, filwaqt li se tidħol kontribuzzjoni infrastrutturali addizzjonali ta’ €400 fis-sena li tapplika kemm għall-applikazzjonijiet ġodda kif ukoll għat-tiġdid.
Il-Kamra tifhem l-għan tal-Gvern li l-ekonomija timxi dejjem aktar lejn produttività, teknoloġija u valur miżjud ogħla, aktar milli tkompli tiddependi fuq tkabbir intensiv fil-ħaddiema.
Madankollu, trid titqies ukoll ir-realtà tal-ekonomija Għawdxija. Numru ta’ setturi fis-settur privat f’Għawdex jiddependu b’mod sinifikanti fuq ħaddiema barranin, f’kuntest fejn min iħaddem diġà qed jesperjenza diffikultajiet biex isib il-ħaddiema meħtieġa.
Għalhekk, il-Kamra temmen li għandu jiġi segwit bir-reqqa l-impatt ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali fuq il-kompetittività tan-negozji Għawdxin, b’mod partikolari fis-setturi fejn in- nuqqas ta’ ħaddiema huwa diġà wieħed sinifikanti.
Kompetizzjoni Ġusta u Konformità Fiskali
Il-Kamra tinnota b’mod pożittiv il-miżuri mmirati lejn aktar ċarezza u ekwità fl-applikazzjoni tar- regoli tat-taxxa u tal-VAT f’diversi setturi. Miżuri biex jiġu indirizzati abbużi tal-VAT fis-settur tal-kostruzzjoni, biex tissaħħaħ il-konformità mal-obbligi tal-fatturi u l-irċevuti fiskali, u biex ikun hemm applikazzjoni aktar ċara u konsistenti tar-regoli tal-VAT huma importanti biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd.
In-negozji li josservaw b’mod sħiħ l-obbligi fiskali tagħhom ma għandhomx jitqiegħdu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ operaturi li ma jagħmlux dan.
Is-Saħħa f’Għawdex
Il-Kamra tilqa’ l-miżuri mħabbra fir-rigward tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
It-tkomplija tal-Masterplan tal-Isptar, inkluż disa’ kliniċi addizzjonali għall-outpatients, tirrappreżenta investiment importanti fil-kura tas-saħħa f’Għawdex.
Il-Kamra tilqa’ b’mod partikolari l-għan li aktar servizzi tas-saħħa jiġu offruti direttament f’Għawdex, biex jitnaqqas il-bżonn li pazjenti Għawdxin u l-familji tagħhom ikollhom jivvjaġġaw lejn Malta.
Madankollu, dawn l-interventi għandhom jibqgħu jiffurmaw parti minn pjan ħolistiku u fit-tul għall-infrastruttura tas-saħħa f’Għawdex, li jiżgura li l-gżira jkollha sptar ġdid, u r-riżorsi umani u s-servizzi speċjalizzati meħtieġa għall-komunità tagħha u għall-iżvilupp futur tagħha.
L-Infrastruttura u r-Reżiljenza tal-Enerġija
Il-Kamra tilqa’ wkoll b’mod pożittiv l-investiment li qed isir biex tissaħħaħ il-konnettività elettrika bejn Malta u Għawdex.
Il-proċess mibdi mill-Enemalta għal żewġ cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar bejn iż-żewġ gżejjer huwa investiment importanti fil-kapaċità, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal- elettriku f’Għawdex.
Daqstant ieħor huma importanti l-istudji tekniċi li qed isiru għal konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex.
Infrastruttura tal-enerġija affidabbli u reżiljenti hija essenzjali mhux biss għall-familji, iżda wkoll għall-iżvilupp ekonomiku futur ta’ Għawdex. Jekk il-gżira trid tistabilixxi ekonomija diversifikata dawn huma kundizzjonijiet essenzjali.
Infrastruttura Strateġika u l-Iżvilupp fit-Tul ta’ Għawdex
Filwaqt li tilqa’ l-miżuri mħabbra fil-Baġit, il-Kamra tisħaq li l-iżvilupp ekonomiku ta’ Għawdex għandu jibqa’ jiġi indirizzat b’mod strutturali u fit-tul. Għaldaqstant, il-Kamra terġa’ ttenni l-importanza li jitmexxew ’il quddiem il-proġetti strateġiċi ewlenin li huma meħtieġa għall-iżvilupp futur ta’ Għawdex, fosthom: l-akkwist u l-introduzzjoni tal-vapuri l-ġodda għall-flotta tal-Gozo Channel; l-espansjoni tal-Port tal-Imġarr; l-implimentazzjoni tal-proġett tar-Rural Airfield ta’ Għawdex; investiment adegwat b’rabta ma’ Victoria 2031 – il-Kapitali Ewropea tal-Kultura; u sforz ferm akbar u koordinat lejn id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Għawdxija.
Dawn il-proġetti għandhom ikunu sostnuti minn finanzjament adegwat u minn proċessi ċari ta’ implimentazzjoni tul din il-leġiżlatura. Diversi minnhom huma parti minn impenji li diġà saru għal dan il-perjodu leġiżlattiv u huma fundamentali biex Għawdex itejjeb il-konnettività tiegħu, isaħħaħ il-kompetittività u joħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda.
Il-Kamra temmen li l-investiment fl-infrastruttura għandu jimxi id f’id mad-diversifikazzjoni ekonomika. Għawdex jeħtieġ preżenza aktar b’saħħitha ta’ attivitajiet ta’ valur miżjud għoli li jkunu inqas dipendenti fuq l-iskala, l-użu tar-riżorsi u bżonn ikbar ta’ ħaddiema.
Il-Baġit 2027 għalhekk jinkludi numru ta’ miżuri li l-Kamra tqis bħala pożittivi. L-isfida hija li dawn il-miżuri, flimkien mal-proġetti strateġiċi ewlenin li Għawdex għandu bżonn, jiffurmaw parti minn qafas ta’ żvilupp fit-tul għall-gżira li jkun koerenti u sostnut minn finanzjament adegwat.
