Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Avukat tal-Istat biex jagħti kumpens ta’ €1,159,100 lil persuni li kienu s-sidien tal-każin tal-banda Stella Maris ta’ Tas-Sliema. Dan il-kumpens ġie ordnat li jingħata wara li l-Qorti laqgħet parzjalment l-appell tagħhom għal żieda fil-kumpens.
Kien fl-2023 meta l-Gvern kien ħa f’idejh il-binja wara li kien intlaħaq ftehim mas-sidien fejn kellhom jingħataw kumpens ta’ €450,000. Dan il-ftehim wassal biex ġie evitat l-iżgumbrament li kellu jsir f’Novembru tal-imsemmija sena.
Il-werrieta tal-binja fi Pjazza Annunzjata kienu fetħu kawża ċivili kontra l-Avukat tal-Istat u anke kontra l-każin tal-banda. Huma kienu lmentaw li matul is-snin ma gawdewx il-binja u anke l-kera kif suppost għamlu.
Kien fis-17 ta’ Marzu tas-sena l-oħra meta l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talba tagħhom u ordnat lill-Avukat tal-Istat jagħtihom kumpens pekunjarju ta’ €1,102,385 u kumpens non-pekunjarju ta’ €10,000.
Kumpens pekunjarju jfisser kumpens li jkun jista’ jiġi kkwantifikat waqt li kumpens non-pekunjarju huwa kumpens li ma jistax jiġi kkwantifikat.
Kemm is-sidien tal-proprjetà u anke l-Avukat tal-Istat appellew minn dan il-kumpens. L-appell instema mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Anthony Ellul u Robert Mangion.
Il-Qorti tal-Appell tat raġun lis-sidien dwar ilment li kienu ilhom mill-2008 jitolbu biex jingħataw rimedju u l-istess qorti ordnat lill-Avukat tal-Istat jagħtihom danni morali fl-ammont ta’ €5,000.
Dwar l-ammont ta’ kumpens li kien ingħata mill-Ewwel Qorti, is-sidien talbu biex dan jitla’ għal €3.4 miljun f’kumpens pekunjarju barra kumpens ieħor għat-telf fil-valur tal-propjetà kkawżat mid-dewmien fil-proċeduri ta’ żgumbrament u mill-inqas €30,000 f’kumpens mhux pekunjarju.
Iżda l-Avukat tal-Istat qal li s-sidien kienu diġà ngħataw kumpens mill-Istat fl-ammont ta’ €450,000 għat-tliet snin li kien fadal miċ-ċens temporanju u qal li l-Ewwel Qorti kellha tqis dan il-kumpens.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti Kostituzzjonali qieset fir-rigward tal-kumpens pekunjarju, jiġifieri dak marbut mal-valur tal-binja, diversi fatturi fosthom il-potenzjal tal-post, l-għan soċjali tal-liġi u l-kera li tħallas u kkonkludiet li s-somma li kellha titħallas mill-Avukat tal-Istat bħala kumpens kellu jkun ta’ €1,159,100.
Dwar il-kumpens non-pekunjarju ma tatx raġun lill-Avukat tal-Istat dwar il-fatt li s-sidien irċevew €450,000 mill-Istat għax ikkonkludiet li din is-somma ma kinitx tkopri d-dritt tagħhom li jirċievu kumpens għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
Fl-istess waqt irrimarkat li ma jistħoqqilhomx somma akbar minn €10,000 kif iddeċidiet l-Ewwel Qorti u għalhekk fir-rigward ta’ dan il-kumpens ċaħdet l-ilmenti taż-żewġ naħat.
Kien għalhekk li ordnat lill-Avukat tal-Istat biex b’kollox jagħti lill-eks sidien kumpens pekunjarju ta’ €1,159,100 u danni morali ta’ €5,000.
