Fit-tielet kwart tal-2026, l-għadd sħiħ taʼ passiġġieri tal-kruċieri laħaq it-325,681, tnaqqis taʼ 7.0 fil-mija mill-istess perjodu tas-sena taʼ qabel.
Fit-tielet kwart tal-2026, żaru Malta 139 vapur tal-kruċieri, tnaqqis ta’ wieħed meta mqabblin mal-istess perjodu taʼ sena qabel. Il-passiġġieri li għaddew minn Malta sabiex komplew il-vjaġġ tagħhom lejn xi mkien ieħor kienu jagħmlu l-maġġoranza assoluta tat-traffiku kollu, u laħqu l-268,114 –82.3 fil-mija. Bħala medja, kull bastiment li kien irmiġġat f’Malta ġarr 2,343 passiġġier, 159 inqas mis-sena ta’ qabel.
Dawn il-figuri ħarġu fi stqarrija li ġiet ippubblikata mill-NSO.
Il-passiġġieri mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kienu jgħoddu 56.2 fil-mija tat-traffiku kollu. Is-swieq ewlenin kienu dak Taljan li laħaq 18.3 fil-mija tal-passiġġieri kollha, segwit minn dak Spanjol bi 12.7 fil-mija tal-passiġġieri. L-għadd sħiħ ta’ passiġġieri minn pajjiżi mhux tal-UE laħaq il-142,541. Mill-passiġġieri kollha, is-suq tar-Renju Unit laħaq 20.8 fil-mija, filwaqt li 10.6 fil-mija kienu ġejjin mill-Istati Uniti.
Il-passiġġieri nisa laħqu 51.8 fil-mija tat-total. L-akbar ammont taʼ passiġġieri kienu fl-età taʼ bejn l-40 u d-59 sena – 33.0 fil-mija. Warajhom, kien hemm dawk li kienu fl-età taʼ bejn is-60 u d-79 sena – 29.8 fil-mija.
Bejn Jannar u Settembru 2026
Fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2026, l-għadd sħiħ taʼ passiġġieri laħaq is-647,237, li 50.2 fil-mija minnhom kienu ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-biċċa l-kbira tal-passiġġieri kienu nisa u ammontaw għal 344,589, jew 53.2 fil-mija tat-total. Fost il-gruppi tal-età, l-akbar grupp taʼ passiġġieri kellhom bejn is-60 u d-79 sena, u laħqu l-231,022 – 35.7 fil-mija. Warajhom, kien hemm il-passiġġieri li kellhom bejn l-40 u d-59 sena, li laħqu 194,679 – 30.1 fil-mija.
Kien hemm 298 żjara taʼ vapuri tal-kruċieri fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2026, bʼmedja taʼ 2,172 passiġġier fʼkull waħda, apparagun tal-294 żjara u medja taʼ 2,351 passiġġier fʼkull waħda fis-sena 2025.




