Saturday, May 4, 2024

Mobile iwassal biex il-Pulizija ssolvi tliet serqiet

Aqra wkoll

L-Ispettur Colin Sheldon spjega quddiem il-Qorti kif mobile li sabu taħt karozza wassal lill-Pulizija biex jarrestaw żagħżugħ minn Ta’ Xbiex li aktar tard xlewh li kien wettaq tliet serqiet. 

Meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Daniele Aquilina ta’ 26 sena, l-Uffiċjal Prosekutur spjega kif nhar l-14 ta’ Diċembru 2019, kien daħal rapport fl-Għassa ta’ Tas-Sliema li persuna kienet ġiet aggredita fi Triq Manoel de Vilhena, il-Gżira. 

Meta l-Pulizija marru fuq il-post, sabu mara li spjegatilhom kif waqt li kienet għaddejja mill-imsemmija triq, hija sfat aggredita minn persuna mgħammda li ħatftilha l-handbag bil-għerra u ħarab bih. Dak il-ħin hija tilfet il-bilanċ, waqgħet mal-art bil-konsegwenza li sofriet xi ġrieħi.

Minn stħarriġ li huma għamlu, rriżultalhom li l-ħalliel kien waqagħlu l-mobile u li ġie taħt karozza. Minn eżamijiet li saru fuqu, il-Pulizija sabu li dan kien tal-imputat Daniele Aquilina.

L-għada li seħħ l-inċident, il-Pulizija marru jfittxuh fir-residenza tiegħu pero’ ma kienx qiegħed hemm. Waqt li komplew bit-tfittxijiet tagħhom għall-imputat, il-Pulizija kienu infurmati b’żewġ każi oħra ta’ serq li kienu seħħew f’Ta’ Xbiex.

L-Ispettur Sheldon kompla jispjega kif ċertu Carolina Grima kienet irrappurtat li fis-17 ta’ Diċembru, waqt li kienet miexja fi Triq Abate Rigord biex tmur lejn il-Gżira, hija nnutat żewġ persuni bilqiegħda fuq bankina u li x’ħin kienet qed taqsam it-triq, wieħed minnhom baqa’ fejn kien waqt li l-ieħor qasam għal warajha u pprova jeħdilha l-basket.

Dak il-ħin, ħareġ raġel ieħor ħareġ jipprova jassisti lill-mara u bi xkupa f’idu “beda jgerrex lill-ħalliel” li telaq il-basket u baqa’ miexi aktar ‘il fuq. Ftit ħin wara, impjegata fil-CFC Cafè rrappurtat li kienet għadha kif ġiet misruqa minn raġel li daħal fil-ħanut armat b’sikkina. 

Hija qalet lill-Pulizija li sakemm fetħet il-cash register, il-ħalliel kien ta s-salt u ħa l-flus li kien hemm. Mill-filmati tas-CCTV, il-pulizija kienet identifikat lil Aquilina u meta marru jipprovaw ifittxuh, għal darb oħra reġgħu ma sabuhx. Huwa nstab ftit wara mill-pulizija tas-CID.

L-Ispettur Sheldon spjega li l-imputat kien ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u qalilhom li l-persuna l-oħra li kienet miegħu kien ċertu Reuben Galea magħruf bħala “l-wires”. L-imputat ikkonferma magħhom li kellu l-problema ta’ abbuż ta’ sustanzi.

Fis-seduta ta’ dalgħodu xehdet ukoll Nikita Cardona, li kienet tat il-vettura tagħha lill-imputat biex iżommielha wara li kienet ħallietha Manoel Island fejn kienet qed taqla’ ċitazzjonijiet minħabba li ma kelliex minn fejn tħallas il-liċenzja u l-polza tal-assigurazzjoni.

Hija qalet li ma kellhiex għażla oħra għajr dik li titfa’ l-vettura tal-għamla Volkswagen Passat ħdejn id-dar tiegħu. Qalet li darba fost oħrajn l-imputat kien talabha tisilfu €140 għall-mekkanik biex isewwi xi ħaġa fiha.

Wara li tatu l-flus u anke ċ-ċavetta tal-karozza, hija bdiet iċċempillu iżda dan ma bediex jirrispondiha. Hija qalet li minn dakinhar ‘il quddiem, qatt ma ratha aktar il-karozza, li kienet xtratha għas-somma ta’ €7,400 u kienet ilha għandha tliet snin.

Xehed ukoll Surġent, li kien ġabar il-filmati tas-sigurtà minn fuq il-post fejn seħħew il-każi. Huwa ppreżenta fil-Qorti s-sikkina li ntużat f’każ minnhom, li nstabet f’passaġġ qalb il-ħaxix ftit ‘il bogħod mir-residenza tal-imputat, kif ukoll tliet mobiles u l-flokk tiegħu.

Lejn l-aħħar tas-seduta saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad baqa’ xhieda pajżana li għad iridu jagħtu x-xhieda tagħhom. Il-Qorti se tkun qed tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar din it-talba fil-jiem li ġejjin. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit u Colin Sheldon. L-Avukat David Gatt qed jassisti lil Aquilina. 

Sport