Moderna qalet li qed tfittex lil Pfizer u lil BioNTech għal ksur ta’ drittijiet marbut mal-iżvilupp tal-ewwel vaċċini Covid-19.
Il-kumpanija tal-Istati Uniti qed tallega li t-teknoloġija tal-mRNA li żviluppaw l-aħħar tnejn qabel il-pandemija kienet ikkuppjata.
Il-kawża, li qed tfittex danni finanzjarji mhux speċifikati, ġiet ippreżentata fl-Istati Uniti u fil-Ġermanja. Pfizer min-naħa tagħha qalet li kienet “sorpriża” bl-azzjoni u li se “tiddefendi bil-qawwa” lilha nnifisha kontra dawn l-allegazzjonijiet.
Fi stqarrija, Moderna qalet li Pfizer/BioNTech ikkupjat żewġ elementi ewlenin tal-proprjetà intellettwali tagħha.
Waħda tinvolvi “modifika kimika” fejn Moderna qed tgħid li x-xjenzati tagħha kienu l-ewwel li wrew f’testijiet fuq il-bniedem fl-2015. Dawn it-testijiet kienu kkonfermaw li l-vaċċin jevita li jipprovoka konsegwenzi ta’ immunità mhux mixtieqa.
It-tieni ksur allegat huwa relatat mal-mod kif iż-żewġ vaċċini jimmiraw il-proteina distintiva fuq barra tal-virus.
“Qed nippreżentaw dawn il-kawżi biex nipproteġu l-pjattaforma tat-teknoloġija innovattiva tal-mRNA li bnejna b’investiment ta’ biljuni ta’ dollari matul l-għaxar snin ta’ qabel il-pandemija tal-Covid-19,” qal il-kap eżekuttiv ta’ Moderna Stephane Bancel.