Ħafna minna żgur li semgħu b’Dumbo – l-iljunfant tal-cartoons li widnejh tant kienu kbar li ġie ridikolat minn sħabu u mġiegħel jagħmel stunts krudili fiċ-ċirku.
Jidher li ma baqax l-uniku annimal innutat minħabba widnejh hekk kif fl-aħħar sigħat mogħża fil-Pakistan bdiet tiċċirkola sew fil-midja.
Simba hija l-mogħża minn Karachi fil-Pakistan li kull waħda minn widnejha fihom 54 ċentimetru.
U ż-żminijiet jidhru li nbidlu. Minflok ġiet redikolata, din il-mogħża saret stilla globali li qiegħda tirbaħ kompetizzjonijiet tas-sbuħija u tgħix ħajja ta’ fsied u mħabba.
Ir-raġel wara t-tnissil ta’ din il-mogħża, Mohammad Hasan Narejo, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li kien saħansitra avviċina lill-Guiness World Records biex jirreġistra lill-annimal bħala l-“aqwa mogħża ta’ kull żmien” tad-dinja.
Bħalissa ma tidher li teżisti l-ebda kategorija għal “il-mogħoż bl-itwal widnejn,” għalhekk mhux ċar jekk il-widnejn ta’ Simba humiex tabilħaqq li kisru r-rekords.