Teżisti possibbiltá kbira li Liverpool jistgħu jerġgħu jkunu “vittmi” għat-tielet darba f’dan is-suq tat-trasferimenti mill-clubs tal-Arabja Sawdija, hekk kif issa Al-Ittihad jinsabu interessati fis-servizzi tal-attakkant internazzjonali Eġizzjan, Mohamed Salah.
Ir-Reds diġá tilfu lil Jordan Henderson li ngħaqad ma’ Al-Ettifaq filwaqt li Fabinho ffirma mal-istess Al-Ittihad il-ġimgħa li għaddiet.
Al-Ittihad, li spiċċaw champions tas-Sawdi Pro League l-istaġun li għadda, komplew isaħħu l-iskwadra bl-inklużjoni wkoll ta’ Karim Benzema, N’Golo Kante u Jota.
Skond il-media Sawdija, Al-Ittihad jinsabu f’taħditiet mar-rappreżentanti ta‘ Salah biex jiddiskutu mossa potenzjali qabel tmiem tas-suq tat-trasferimenti tas-sajf.
Ir-rapport isostni li l-club Sawdi lest li joffri lil Salah ftehim li jiswa £155 miljun fuq żewġ staġuni filwaqt li lest li jissottometti offerta ta’ £60m lil Liverpool.
L-Aġent ta’ Salah qal: “Huwa minnu. Hemm negozjati bejn Mohamed Salah u l-club Sawdi Al-Ittihad.
“L-offerta trid tkun attraenti biex l-istilla Eġizzjana tmur tilgħab fl-Arabja Sawdija. Salah għad għandu ħafna x’joffri fl-Ingilterra.”
Salah jinsab fuq kuntatt ta’ tliet snin li kien iffirma f’Lulju tas-sena li għaddiet meta għandu salarju ta’ £350,000 fil-ġimgħa.