Thursday, May 16, 2024

Tlieta arrestati b’rabta ma’ aggressjoni f’Bormla

Aqra wkoll

Tliet persuni ġew arrestati mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat aggressjoni li seħħet f’Bormla u li ħalliet raġel ta’ 36 sena bi ġrieħi serji kawża ta’ daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.

Kien għall-ħabta tat-8:15 a.m. tal-bieraħ xħin Libjan ta’ 36 sena residenti l-Imsida daħal l-Għassa ta’ Bormla u stqarr li kien għadu kif ġie aggredit f’residenza fi Triq il-Madonna tal-Grazzja, Bormla.

Minnufih intalbet l-assistenza medika, fejn il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel kien fir-residenza fejn hemmhekk seħħ argument u allegatament ġie aggredit minn tliet irġiel b’arma f’dahru u wara ħarbu minn fuq il-post.

Investigazzjonijiet intensivi wasslu biex aktar tard, l-allegat aggressuri – żewġt irġiel ta’ 33 sena u ieħor ta’ 34 sena kollha residenti Bormla – ġew arrestati u qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana għal aktar stħarriġ.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Rizzo li fetħet inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Sport