Friday, May 3, 2024

“Bniedem irid jaħdem qatigħ sabiex jara r-riżultati”

Christina Novelli

Aqra wkoll

Christina Novelli mill-ġdid kienet fil-gżejjer Maltin fi tmiem din il-ġimgħa fejn kantat waqt il-kunċert bl-isem ta’ ‘Summer Vibes’ organizzat mill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, ġimgħa qabel li l-Ħamruniżi jiċċelebraw il-festa ta’ San Gejtanu.

Il-kantanta, kompożitriċi u anke DJ ta’ 37 sena tispeċjalizza fil-mużika elettronika, trance u dance u taf tuża’ diversi strumenti mużikali bħal kitarra u d-drums. Hi għandha kapaċitajiet vokali mill-aqwa filwaqt li għandha sens qawwi ta’ intelliġenza fil-produzzjoni tal-mużika.

Novelli ilha tieħu parti attiv fix-xena mużikali għal dawn l-aħħar disa’ snin u isimha hu rinomat f’dan il-qasam kummerċjali.ll-kantanta Ingliża tħoss li l-mużika kienet u għadha parti importanti f’ħajjitha.

Fil-bidu tal-karriera tagħha bdiet iddur diversi klabbs fl-Ingilterra fejn għamilt xi gigs. Dan kollu seħħ sa ma ltaqgħet ma’ Gareth Emery fis-sena 2012 fejn hemmhekk ipproduċew flimkien id-diska Concrete Angel. U hemm bdiet titwettaq il-ħolma tagħha, ħolma li għadha tgħixha sal-lum il-ġurnata.

Dan is-sit ħa l-okkażjoni sabiex jerġa’ jagħmel intervista qasira ma’ Novelli fuq l-aħħar żviluppi tal-karriera mużikali tagħha.

“L-ewwel u qabel kollox, intenni dak li għedtlek l-aħħar darba, Malta saret it-tieni dar tiegħi. Drajt niġi hawn u verament kuntent bil-folla Maltija li tilqagħni kull meta nagħti l-wirja tiegħi.

Tkellimna magħha dwar l-aħħar tours tagħha fejn hi qed iddur l-Ewropa u teżebixxi l-mużika tagħha li tkanta u anke li tikkomponi u ddoqqhom ukoll bħala DJ.

“Tassew kelli erba’ xhur mimlija daqs bajda bix-xogħol fejn mort neżebixxi t-talenti tiegħi f’diversi pjazez Ewropej. Ridt ukoll li n-nies jisimgħu l-materjal il-ġdid li ħejjejt fejn s’issa jidher li hemm interess kbir fost is-segwaċi tal-mużika tiegħi.”

Hi titkellem dwar l-aħħar albums tagħha li ħarġet riċentement fosthom Walking the Wire flimkien ma’ DJ Sash, My Guiding Light flimkien ma’ Richard Durant, All I Want is You u In My Arms.

Novelli sostniet li ħafna mis-suċċess li għandha hu dovut għax-xogħol bla heda li tagħmel, xi ħaġa li s-segwaċi tagħha japprezzaw sew.

Staqsejnieha dwar ix-xena mużikali fl-Ewropa fil-preżent

“Bla dubju li qed ngħixu fi żmien ferm eċitanti fejn wara l-perjodu xejn sabiħ tal-pandemija, ix-xogħol reġa’ irpilja u dan hu l-ewwel sajf fejn l-affarjiet reġgħu ġew f’posthom. Qed isiru ħafna kunċerti, hawn materjal ġdid ukoll u għalhekk dawn il-festivals qed ikollhom dak l-element ta’ eċitament.”

Staqsejnieha jekk ix-xorti tilgħabx parti importanti mis-suċċess ta’ xi kantant jew DJ

“Jista’ jkun li x-xorti tilgħab parti żgħira ħafna mis-suċċess ta’ xi ħadd. Madankollu tajjeb wieħed jgħid li 95 fil-mija tas-suċċess hu dovut għax-xogħol kbir u fejjiedi li wieħed jagħmel. Jien dejjem ngħid li xejn ma jsir ta’ xejn!”

Iżda wieħed jitwieled kantant jew DJ jew inkella jsir aktar ma jikber?

“Ma nemminx li bilfors wieħed isir DJ jew kantant għax ikun twieled hekk. Wieħed żgur irid ikollu sfond mużikali jekk verament irid jiżviluppa. Per eżempju jien niftakarni mmur inkanta kulfejn kont inkun. Minn hemm nibtet opportunita’ wara l-oħra iżda tlajt it-tarġa tas-sellum ftit ftit mhux kollha f’daqqa’.”

Kif wieħed jista’ jinduna, Christina Novelli temmen ħafna fix-xogħol bla heda li hu determinanti sabiex mużiċist jirnexxi.

Tlabnieha tgħaddilna l-aħħar kumment fejn bħas-soltu nagħlqu b’appell jew messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista.

“Intenni dak li għedt l-aħħar darba li kellimtek. Bniedem irid jaħdem qatigħ sabiex jara r-riżultati. Ġaladarba tagħmel hekk, in-nies se jsiru jafuk u eventwalment jikbru l-kuntatti u dan iservi biss sabiex titla’ aktar taraġ mingħajr ma tħalli s-suċċess jitla’ għal rasek!”

Sport