Juventus identifikaw lill-attakkant ta’ Liverpool, Mohamed Salah, bħala mira potenzjali ta’ trasferiment qabel it-tieqa tat-trasferimenti tas-sajf.
Salah diġà stabbilixxa status leġġendarju f’Anfield, fejn skorja 153 goal f’229 dehra u rebaħ il-Premier League u ċ-Champions League mal-club.
Madankollu, l-internazzjonali Eġizzjan fadallu ftit aktar minn 15-il xahar fil-kuntratt tiegħu u, qed jidher li ftit li xejn għandu intenzjoni li jestendi l-esperjenza tiegħu f’ Merseyside.
Huwa mifhum li Juventus huma lesti li jikkapitalizzaw mis-sitwazzjoni billi joffru lil Salah kuntratt ta’ erba’ snin biex imur jilgħab Turin.
Il-Bianconeri huma lesti li jħallsu lill-player ta’ 29 sena sa £10 miljun fis-sena bl-ispazju jinħeles fuq il-kont tal-pagi minħabba t-tluq fi tmiem l-istaġun ta’ Paulo Dybala bi free transfer.
Liverpool se jkunu ħerqana li jevitaw sitwazzjoni simili għal dik ta’ Dybala ma’ Salah u jistgħu jkunu lesti li jikkunsidraw offerti fir-reġjun ta’ £50m aktar tard din is-sena.