Saturday, December 21, 2024

Morning after pill b’xejn fost proposti oħra tal-PL

Aqra wkoll

Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, ħabbret sensiela ta’ proposti oħra mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

Waqt edizzjoni speċjali tal-programm Espresso fuq ONE, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, bis-sehem ukoll tal-President ta’ Nisa Laburisti Nikita Alamango, Ramona Attard elenkat għadd ta’ inizjattivi li Partit Laburista fil-gvern jieħu jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu.  Fost oħrajn jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja:

  • Se titbaxxa l-età għall-iscreening tal-kanċer tas-sider tan-nisa għal 45 sena.
  • Il-contraceptive pill u l-morning after pill se jibdew jitqassmu b’xejn mill-ispiżeriji u ċ-ċentri tas-saħħa. Bl-istess mod il-intrauterine contraceptive device (IUD) se tibda tiġi offruta b’xejn lin-nisa kollha bħala parti mis-servizz tas-saħħa.
  • Jitqassmu b’xejn prodotti relatati mal-mestruazzjoni fl-iskejjel sabiex tinqered l-istigma li għadha assoċjata ma’ dan il-proċess naturali.

Dawn il-proposti jsegwu oħrajn li semma l-Prim Ministru, Robert Abela, it-Tnejn filgħaxija f’Marsaxlokk, fosthom:

  • Il-proposta li tingħata rifużjoni ta’ 30% tal-paga fuq medda ta’ tliet snin sa massimu ta’ €6,000 lil dawk li jimpjegaw magħhom nisa ‘l fuq minn 40 sena u li kienu inattivi fis-suq tax-xogħol.
  • Kumpaniji li jimpjegaw aktar minn 50 ħaddiem u jkollhom 40% tat-tmexxija eżekuttiva tagħhom nisa, jingħataw tax credit sa massimu ta’ €50,000.

Il-President tal-Partit Laburista spjegat kif dawn il-miżuri huma parti minn pakkett usa’ li se jkompli jkun spjegat fil-jiem li ġejjin. “Sa mill-ewwel siegħat tal-kampanja elettorali bdejna nħabbru proposta proposta u hekk se nkomplu nagħmlu fil-jiem li ġejjin. Dan hu l-uniku partit bi proposti sodi u kredibbli għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż,” qalet Ramona Attard li fakkret kif Gvern Laburista dejjem wettaq dak li wiegħed.

Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Alamango, laqgħet dawn il-proposti u qalet li Nisa Laburista ilha snin tikkampanja favur dawn l-inizjattivi.

Ekonomija

Sport