Friday, December 20, 2024

Moska attakkata bid-drones

Aqra wkoll

Il-gwerra ta’ bħalissa bejn l-Ukrajna u r-Russja li issa daħlet fil-522 jum tagħha kompliet titwessa’ u ħarġet ‘il barra mill-konfini tat-territorju Ukren. Dan qed iseħħ billi issa il-militar Ukren, ħareġ fuq l-offensiva u qed jattakka wkoll  il-kapitali Russa, Moska.

Wara dan l-attakk fuq il-kapitali Moska, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky wissa li l-gwerra qed tersaq lura lejn ir-Russja u val li l-attakki fuq it-territorju Russu kienu proċess inevitabbli, naturali u assolutament ġust tal-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi.

Tliet drones Ukreni twaqqgħu nhar il-Ħadd, bi tnejn minnhom jikkraxxjaw fuq uffiċini. F’dan l-attakk, l-ajruport ta’ Vnukovo, fil-Lbiċ taċ-ċentru tal-belt kellu jingħalaq għal xi ħin.

F’xandira lin-nazzjon nhar il-Ħadd mill-belt Ukrena ta’ Ivano-Frankivsk, Zelensky qal li l-Ukrajna kienet qed tissaħħaħ. Sostna wkoll li gradwalment, il-gwerra qed tirritorna lejn it-territorju tar-Russja – lejn iċ-ċentri simboliċi u l-bażijiet militari tagħha.

Din il-karatterizzazzjoni hija ċertament livell ogħla mill-approċċ normali ta’ Kiev li ma tammettix ir-responsabbiltà għal attakki ġewwa r-Russja. Iżda l-President Zelensky b’mod ċar iħossu kunfidenti biżżejjed biex jitfa’ l-pressjoni, fuq il-Kremlin.

Attakki tad-drone bħal dawn huma wkoll opportunità għalih biex jindirizza l-popolazzjoni Russa, li l-maġġoranza tagħha jidhru jemmnu li l-invażjoni hija ġusta.

L-eks President Russu Dmitry Medvedev qal nhar il-Ħadd li Moska jkollha tuża arma nukleari jekk il-kontro-offensiva li għaddejja minn Kiev tkun suċċess.

Medvedev, li huwa deputat chairman tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russja – korp ippresedut minn Vladimir Putin – qal fuq il-midja soċjali li ma jkun hemm “ebda għażla oħra” jekk l-Ukrajna tieħu dik li ddeskriva bħala “art tagħna”.

Uffiċjali qalu li ma kien hemm l-ebda korrimenmti wara l-attakk tad-drone tas-Sibt, u s-sindku tal-belt Sergei Sobyanin qal li l-faċċati ta’ żewġ binjiet ta’ uffiċċji ġarrbu xi ħsarat.

Moska tinsab madwar 500km mill-fruntiera tal-Ukrajna u rari kienet fil-mira minn meta r-Russja nediet l-invażjoni tagħha fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Iżda r-Russja akkużat lill-Ukrajna li f’dawn l-aħħar xhur nidiet sensiela ta’ attakki tad-drones fuq it-territorju tagħha, fosthom diversi fuq il-kapitali Moska.

L-aktar notevoli kien f’Mejju, meta r-Russja sostniet li l-Ukrajna użat żewġ drones biex tattakka l-Kremlin – il-qalba tal-belt. L-Ukrajna ċaħdet li attakkat lill-Kremlin jew li kellha fil-mira lill-President Vladimir Putin.

Il-ministeru tad-difiża tar-Russja jgħid li l-Ukrajna wettqet ukoll attakk ta’ drone matul il-lejl fuq il-Krimea – territorju li kien anness mir-Russja fl-2014. Uffiċjali qalu li 16-il drone nqerdu u disgħa oħra ġew imrażżna, tirrapporta l-aġenzija tal-aħbarijiet Tass.

Intant, uffiċjali Ukreni qalu li attakk b’missili Russi fuq il-belt ta’ Sumy, fil-Grigal tal-pajjiż, ħalla persuna waħda mejta u ħamsa midruba.

Ekonomija

Sport