Mosta FC rebħu sezzjoni A tal-Fuel 10K Under 16 Futsal League hekk kif kisbu l- punti li kellhom bżonn wara li rebħu lil Naxxar Lions 10-3 fid-derby tat-Tramuntana ta’ Malta.
Huma kisbu 16-il punt minn sitt logħbiet u kienu l-iktar tim konsistenti f’din is-sezzjoni minkejja l-isfida li ppruvaw ituhom San Ġwann u Floriana.
Fl-unika logħba li ntlagħbet fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, il-Mostin ħarġu ferm aggressivi fejn kienu motivati li jiksbu r-rebħa finali.
Dayl Cachia u Zion Micallef Bickle kienu l-eroj għat-tim tiegħu meta skorjaw erba’ gowls kull wieħed filwaqt li Mathias Borg, Gabriel Portelli u Kayden Farrugia niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Naxxar Lions kellhom lil Eric Briffa jiskorja doppjetta b’Matthew Alexander Lake iżid ieħor għat-tim tiegħu.
Fi tmiem il-logħba, id-direttur tal-Futsal u Beach Soccer fi ħdan l-MFA Mark Marlow ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Mosta FC Francois Micallef.
Referees kienu Stefania Bonnici u Sara Kankaras.
KLASSIFIKA SEZZJONI A
Mosta 16, San Ġwann 11, Floriana 10, Sliema Wanderers 9, Naxxar Lions 7, Pieta’ Hotspurs 4, Marsaskala 0.