Tuesday, December 24, 2024

Mountain Bike Association: Anchu Kogl, Luke Borg fil-quċċata tal-klassifika

Aqra wkoll

Iċ-Cisk 0.0 XC National Point Seriestal-Malta Mountain Bike Association għaddejja b’ritmu sħiħ, issa li aktar minn nofs it-tiġrijiet ippjanati diġà saru.

Filwaqt li Luke Borg u Anchu Kogl bħalissa għandhom punti indaqs fil-klassifika ġeneral, għad fadal żewġ tiġrijiet li jfisser li r-rebħa qatt ma tkun assigurata minħabba l-imprevedibbiltà ta dan it-tip ta’ sport.

It-tielet tellieqa tas-Serje ta’ din is-sena saret f’Pembroke fuq korsa mimlija b’varjetà ta’ ostakli naturali u mogħdijiet dojoq, li ttestjaw il-ħiliet tekniċi tal-parteċipanti.

Kategorija Elite

Għalkemm Luke Borg inizjalment ħa postu fuq qudddiem fid-dawra tal-ftuħ fejn għadda lil Anchu Kogl fl-ewwel ftit metri,  Kogl, imsaħħaħ mir-rebħa riċenti tiegħu fil- tellieqa preċedenti, qabez lil Borg fit-tieni dawra. Minn hemm, Kogl żamm il-vantaġġ tul il-korsa ta’ sitt dawriet. Jsegwu lil Kogl kien hemm group magħmul minn Stefan Scerri, Brandon Sultana, Mark Bonnici, u Matthew Dalli. Madankollu, matul it-tellieqa l-pożizzjonijiet bdew jinbidlu minħabba panċers u xi hsarat mekkaniċi. Il-podju ta’ din il-kategorija gie magħmul minn Kogl, b’Borg u Sultana jassiguraw it-tieni u t-tielet post rispettivament.

Kategorija Nisa

Panċers ħakmu wkoll il-kategorija tan-nisa, hekk kif Marie Claire Aquilina sofriet minn dan fil-dawra inizjali, u li swietha ħin prezzjuż. Minkejja dan, irnexxielha tagħti sfida tajba kontra r-rebbieħa tal-kategorija, Diana Muscat. Muscat rebħet it-tellieqa, b’ Aquilina tispiċċa fit-tieni post.

Kategorija Sport

Josmar Vella rreġistra t-tieni rebħa konsekuttiva tas-serje wara li ta prestazzjoni determinata. Filwaqt li l-ewwel dawra rat lil Keith Bartolo u Wayne Schembri fuq quddiem, it-tieni dawra kienet kruċjali għal Vella hekk kif mar fuq quddiem, u rebaħ il-kategorija b’distakk ta’ 32 sekonda fuq Bartolo. Fit-tielet post spiċċa Schembri.

Kategorija 40+

Joaquin Rojas kompla s-sensiela ta’ bla telfa tiegħu fejn rebaħ il-kategorija b’distakk komdu fuq Alex Portelli – li wkoll deher fuq il-podju kollha ta’ din is-serje. Fit-tielet post daħal Robert Zammit.

Kategorija 50+

Patrick Scicluna kompla jiddomina għat-tieni tiġrija konsekuttiva fis-serje, fejn żamm il-vantaġġ fuq Stephen Grima. Madankollu Grima jinsab fl-ewwel post tal-klassifka ġenerali ta’ din il kategorija. It-tielet post fuq il-podju ttieħed minn Federico Sermarini.

Kategorija E-Bike

Robert Magro kiseb ir-rebħa fil-kategorija żewġ sekondi qabel Keith Bartolo, filwaqt li Kenneth Galea kiseb it-tielet post.

Kategoriji taż-Żgħażagħ

Il-Kategoriji taż-Żgħażagħ ġibdu folla ta’ rikkieba b’talent. James Vassallo kiseb ir-rebħa fil-kategorija tas-Subien U19, filwaqt li Ryan Gatt rebaħ il-korsa tal-U17.

Fil-kategorija tas-Subien U15, li hi waħda ferm kompetittiva, Liam Daly għeleb lil Neil Cassar,  b’distakk ta’ sekonda. Jake Refalo spiċċa fit-tielet post. Nina Debono kompliet il-prestazzjoni konsistenti tagħha billi reġgħet rebħet it-tiġrija tal-Bniet U15, segwita minn Kim Micallef Cann u Katie Anne Vella Wood.

Fil-kategorija U12, Kruiven Farrugia kellu debutt tajjeb meta rebaħ it-tellieqa, hu kien segwit min Zac Bugeja, b’ Nolan Tabone jispiċċa t-tielet. Mickaya Fava temmet il-korsa tal-bniet U12.

Il-Malta Mountain Bike Association hija appoġġjata miċ-Cisk 0.0 Lager, Gatorade u San Michel. L-Għaqda rringrazzjat lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għall-appoġġ tagħhom lejn l-attività.

Ir-Raba tellieqa taċ-Cisk 0.0 National Point Series hija skedata li ssir is-Sibt 8 ta’ Ġunju fil-Majjistral Park.

Etna Nord Bike Race

Sadanittant, diversi ċiklisti tal-Malta Mountain Bike Association – Marie Claire Aquilina, Jamie Camilleri, Domenic Cutajar, Ramon Grech, u Patrick Scicluna ħadu sehem fl-Etna Nord Bike Race, tellieqa ta’ 42km li bdiet f’Linguaglossa, Sqallija u laħqet elevazzjoni ta’ 1,630m ‘l fuq mil-livell tal-baħar. Filwaqt li kollha marru tajjeb, kienet Marie Claire Aquilina li ħadet post fuq il-podju. Aquilina spiċċat fit-tieni post ġenerali u fl-ewwel fil-kategorija rispettiva tagħha.

Ekonomija

Sport